Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob kumpens għad-diskriminazzjoni b’rabta mal-proprjetà li l-Partit Laburista ilu jgawdi b’abbuż ta’ poter

L-Oppożizzjoni se tressaq fil-Parlament numru ta’ emendi għall-abbozz ta’ liġi li qed iressaq il-Gvern dwar il-finanzjament u r-regolamentazzjoni tal-partiti politiċi, fosthom li jkun ikkalkulat kumpens biex tiġi kkanċellata d-diskriminazzjoni li ilu jbati minnha l-Partit Nazzjonalista fil-kuntest tan-numru kbir ta’ proprjetà li l-Partit Laburista ilu jgawdi meta ttieħdet b’abbuż ta’ poter fi żmien gvernijiet Laburisti.

Id-Deputat Nazzjonalista u Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said , ħabbar il-proposti li se tkun qed tressaq l-Oppożizzjoni fil-Parlament u fisser kif dawn il-proposti qed jitressqu fil-kuntest ta’ storja twila li matulha, għal snin twal, il-Partit Laburista ilu jgawdi u jiffanga minn dħul u gwadann finanzjarju minn 22 proprjetà pubblika u sitt proprjetajiet oħra mill-privat li kienu rekwiżizzjonati u ttieħdu għal skop soċjali u minflok ingħataw lill-Partit Laburista biex jintużaw għall-każini Laburisti.

L-Oppożizzjoni se tressaq numru ta’ emendi, uħud li diġà kienu ssotomessi lill-Ministru, u emendi oħra sostanzjali, fosthom li r-Regolatur ikun il-Kummissarju dwar l-Istandards tal-Parlament u mhux il-Kummissjoni Elettorali.

Biex tkun indirizzata din id-diskriminazzjoni, l-Oppożizzjoni se tressaq emenda biex la darba l-liġi ma tagħtix għajnuna finanzjarja mill-istat, kull partit politku għandu jiddikjara n-numru u deskrizzjoni dettaljata tal-proprjetà tal-istat li l-partiti għandhom, kemm b’cens, b’kera jew b’kull titolu ieħor; u jiddikjara kemm hu l-ħlas mill-istat għal dik is-sena partikolari.

Hu qal ukoll li l-Oppożizzjoni se tkun qed tiddefendi d-diskriminazzjoni li qed issir fil-konfront tagħha b’kull mezz possibbli, u dan biex mid-data li fiha tidħol fis-seħħ il-liġi dwar il-fiannzjament tal-partiti, il-partiti jitilqu mill-istess punt ta’ tluq, bl-ebda żvantaġġ u bl-ebda diskriminazzjoni.

Chris Said fisser li kulħadd jaqbel li demokrazija b’saħħitha ma tistax topera mingħajr partiti politiċi, inkluż dawk li mhumiex rappreżentati fil-Parlament. U dan biex il-partiti jkunu l-vuċi tal-ħafna u mhux mixtrija mill-ftit. Hu għalhekk li għandu jkun hemm mekkaniżmu bi struttura li titħaddem biex ikunu l-vuċi tal-ħafna u mhux tal-ftit li jiffinanzjawhom.

Għalhekk, fisser Chris Said, l-importanza li nsaħħu d-demokrazija billi nsaħħu l-partiti politiċi għax dawn huma għodda essenzjali biex id-demokrazija tissaħħaħ.

Spjega wkoll kif pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom mekkaniżmi kif ikunu finanzjati l-partiti, u dan biex jitbiegħed il-periklu li jiġu mixtrija mill-ftit. Filwaqt li saħaq dwar l-importanza li l-partiti kollha jkunu qed jaħdmu fuq level paying field komuni, il-Partit Laburista kull darba li kien fil-Gvern ħaxxen butu bi prorpjetà pubblika u privata, fosthom 22 każin li ttieħed minn proprjetà pubblik, u sitta mill-privat għax gew rekwiżizzjonati għal skop pubbliku u soċjali, u mbagħad il-proprjetajiet spiċċaw każini politiċi.

Mill-ftit diskussjonijiet li kien hemm bejn il-partiti, qal Chris Said, m’hemm ebda ħsieb li l-Gvern ipoġġi l-partiti fuq l-istess binarju komuni.
Meta tidħol fis-seħħ din il-liġi, il-partiti mhux se jitilqu mill-istess punt ta’ tluq. F’ċertu okkażjonjiet, minbarra t-28 każini misruqa, aktar ma tmur lura aktar il-Partit Laburista ilu jgawdih u aktar daħħal flus u bbenefika minnu. Aktar ma ilu dan, akbar hu dnub.

Filwaqt li satqsa li jekk il-bini rekwiżizzjonat u li qiegħed f’idejn il-Partit Laburista llum hux se jintradd lura meta tidħol din il-liġi, Chris Said qal li kollox jidher li l-Partit Laburista m’għandu ebda intenzjoni li jrodd lura l-proprjetà u għaldaqstant il-liġi mhi se tibdel xejn mill-iffangar tal-Partit Laburista mill-proprjetà pubbliku u privata.

Naqblu mal-liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-partiti politiċi, iżda l-punt tat-tluq se jibqa’ b’serq, iffangar u abbuż ta’ proprjetà pubblika. Semma’ l-każin Laburista tar-Rabat li nbena biex ikun librerija pubblika u minflok sar każin Laburista u hekk għadu llum. Fil-Gudja, inbniet proprjetà pubblika biex issir klinika, u minflok saret każin Laburista. Fil-pjazza tat-Tokk f’Għawdex, Gvern Laburista jaqla’ d-dipartiment tal-agrikolutura biex inbidel f’każin Laburista.

Hemm ukoll sitt każini li kienu proprjetà privata f’postijiet ċentrali fil-lokalitajiet biex suppost intużat għal min ma kellux dar, u minflok Gvern Laburista kriha bil-ftit lill-Partit Laburista.

Din l-istorja ġrat kull meta kien fil-gvern fis-sebgħinijiet, it-tmeninijiet u d-disgħinijiet u kompliet issa  b’rabta mas-saga tal-Australia Hall għaliex fl-ewwel deċiżjonjiet ta’ dan il-Gvern Laburista, twaqqgħet l-kawża li kellu l-Gvern kontra l-Partit Laburista.

Ir-realtà llum hi, qal Chris Said, li l-Partit Laburista qed idaħħal dħul kbir minn proprjetajiet f’ċentri importanti ta’ kummerċ, bħalma qed jagħmel minn kirjiet ta’ bars u ristoranti f’San Ġiljan.

Dawn l-anomaliji, qal Chris Said, din il-liġi ma tindirizzahx, u wissa li jekk din id-diskriminazzjoni din il-ligi mhix se tindirizzah, se tkun l-Oppozizzjoni li se tkun qed tagħmel dan.