Fil-ġranet li għaddew il-Partit Laburista organizza konferenza bit–tema “Għawdex Prijorità”. Filwaqt li bħala Għawdxin wieħed jieħu pjaċir li Għawdex jingħata din l-importanza, kulħadd baqa’ deluż bil-faqar ta’ dak li ħareġ mill-kelliema u b’wisq aktar delużi b’dak li l-PL għamel f’Għawdex kemm ilu fil-Gvern. Dan qalu fi stqarrija l-Kumiat Reġjonali PN f’Għawdex, li sostna kif dan juri li Joseph Muscat kapaċi biss għall-catch words “Għawdex Prijorità” jew “xogħol f’Għawdex għal Għawdxin”, iżda donnu ma ndunax li issa hu l-Prim Ministru u ma jistax jibqa’ jinħeba.
B’referenza għal “Għawdex Prijorità”, il-Kumitat Reġjonali staqsa lil min qed tingħata l-prijorità, hekk kif id-Deputat Mexxej Laburista Toni Abela stess qal li Għawdex m’għandux jibqa’ jiddependi fuq Malta. Hu kompla jgħid li l-mekkanika tal-ġid ma tikbirx biss permezz tal-ħidma tal-Gvern, iżda wkoll li l-poplu jagħmel il-parti tiegħu. “L-Għawdxin għalhekk għandhom jagħtu l-kontribut kollu biex jgħinu lill-Gvern”, qal id-Deputat Mexxej Laburista.
Il-Kumitat Reġjonali PN f’Għawdex qal li dan juri kif il-prijorità tal-Gvern Laburista hi li jwaħħal fl-Għawdxin li mhux jgħinu lill-Gvern. Staqsa x’inhi r-road map tal-PL għal Għawdex għax minkejja l-kliem sabiħ qabel l-elezzjoni ġenerali, wara l-elezzjoni ma ġara xejn. Fakkar ukoll kif issa l-Gvern qed jgħid li lanqas il-flus għall-istudji dwar il-link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer ma jeżistu, filwaqt li l-airstrip, il-cruise liner terminal u l-fibre optic cable għadhom kollha taħt studju. Hu ċar li l-Gvern Laburista ma jemminx fl-Għawdxin għax kulma għamel huma biss studji.
Għall-kuntrarju, sostna l-Kumitat Reġjonali PN, Gvern Nazzjonalista dejjem investa b’qawwa u b’kurraġġ fl-Għawdxi. Bena vapuri, iż-żewg terminals, il-fabbriki, l-iskejjel ta’ kull xorta, l-isptarijiet, faċilitajiet sportivi, yacht marina, toroq, trasport u aktar.
Jidher li l-ftaħir ta’ Muscat il-Ħadd li għadda li l-Gvern s’issa ħadem fuq investiment short term kienet biss għax il-Gozo Channel ħadmet b’xejn għal żewġ weekends. Dan hu ftit wisq, qal il-Kumitat Reġjonali PN, speċjalment meta kulhadd jaf li din is-sena l-attività tant popolari mal-Maltin ta’ Lejliet Lapsi ma saritx għax il-flus marru biex jitħallsu l-vjaġġi tal-Gozo Channel b’xejn. Fakkar ukoll kif il-Gvern żarma knisja biex jibni oħra meta neħħa l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem, basta l-Prim Ministru jkun jista’ jaqta’ ż-żigarella tal-kampus “il-ġdid” tal-MCAST.
Jekk temmen f’Għawdex, xejn m’hu impossibbli. Madankollu, il-PL fil-Gvern issa qed jinsa lill-Għawdxin, minkejja l-wegħdi sbieħ li għamel qabel l-elezzjoni ġenerali, temm jgħid il-Kumitat Reġjonali PN f’Għawdex.
//= $special ?>