Sport

Pellegrini inkwetat bil-logħob ta’ Man City

CAPITAL ONE CUP: Il-manager ta’ Manchester City qal li hu inkwetat bil-logħob li qed juri t-tim tiegħu.Pellegrini qal dan wara li t-tim tiegħu safa eliminat mil-League Cup b’telfa ta’ 2-0 kontra Newcastle fl-Etihad Stadium. B’hekk, City issa ma jistgħux jiddefendu t-tazza li rebħu fl-istaġun li għadda. Din bla dubju kienet telfa xejn mistennija meta wieħed iqis li Newcastle qegħdin fl-14-il post tal-Premiership. Minbarra t-telfa jista’ jagħti l-każ li City se jkollhom jgħaddu mingħajr il-playmaker David Silva li weġġa’ fil-bidu tal-logħba.

“Irridu nsolvu din il-problema malajr kemm jista’ jkun u nhar il-Ħadd li ġej se nkun qed nistenna reazzjoni minn naħa tal-plejers. Mhux qed nilagħbu tajjeb u qed nara li l-plejers m’humiex kunfidenti minn dak li qed jagħmlu. Il-problema hi li minbarra li qed naqilgħu ħafna gowls qed infallu diversi ċansijiet ukoll,” qal Pellegrini.

Din kienet it-tieni telfa għal City fi spazju ta’ ftit jiem wara li fi tmiem il-ġimgħa tilfu 2-1 kontra West Ham Utd. Barra minn hekk, ftit jiem qabel il-logħba kontra West Ham City kienu ġew miżmuma draw 2-2 kontra CSKA Moscow fiċ-Champions League. Issa nhar il-Ħadd City jmisshom jilagħbu kontra r-rivali Man Utd.

Minn naħa tiegħu l-manager ta’ Newcastle Alan Pardew qal li jittama li issa, la darba t-tim kiseb din ir-rebħa, l-partitarji jħallu lill-plejers jaħdmu u mhux ikomplu jitfgħu pressjoni fuqhom kif ukoll fuqu stess. Fil-bidu tal-istaġun kienu ħafna dawk li ikkritikaw bl-aħrax lil Pardew. “Din kienet rebħa għall-partitarji. Irrid inserrħilhom rashom li jien naf x’qed nagħmel, anke jekk forsi l-affarijiet ma ġewx kif xtaqna. Issa rridu nkomplu nuru dan it-tip ta’ logħob,” qal Pardew.
Nhar is-Sibt Newcastle jmisshom jilagħbu f’darhom kontra Liverpool.