Internazzjonali

Studenti Ċiniżi jqarrqu fl-eżamijiet għall-kulleġġ

L-ISTATI UNITI: L-Uffiċjali inkarigati mill-eżamijiet tad-dħul fil-kulleġġi qalu li waħda minn kull għaxar applikazzjonijiet tal-istudenti Ċiniżi li jridu jidħlu għall-korsijiet fl-Istati Uniti jistgħu jinkludu materjal qarrieqi u bbażat fuq il-frodi.

Il-materjal jinkludi esejs li ma jkunux ġenwini u transcripts tal-iskola għolja. Allan Goodman, il-President tal-Istitut għall-Edukazzjoni Internazzjonali, isostni li ħadd m’għandu data preċiża tal-frekwenza ta’ dawn il-każi ta’ qerq. Intant, ġie diskuss kif wieħed jevita t-transcripts qarrieqa waqt il-laqgħat tar-reġistraturi li saru fl-aħħar snin.

Il-każi ta’ qerq mill-istudenti Ċiniżi ddisprati biex jidħlu fil-kulleġġi tal-Istati Uniti saru regolari aktar ma żdiedu l-applikazzjonijiet minn din il-faxxa speċifika ta’ studenti.

Dan ukoll meta l-kulleġġi u l-universitajiet Amerikani qed jirreklutaw aktar studenti Ċiniżi peress li l-maġġoranza tagħhom iħallsu għall-korsijiet sħaħ.

Is-sena akkademika 2012-13 hi l-aħħar waħda bl-istatistika aġġornata dwar in-numru ta’ studenti Ċiniżi fl-Istati Uniti u li ammontaw għal 235,597 – qabża ta’ ftit aktar minn 21 fil-mija fuq tas-sena preċedenti, skont l-Istitut għall-Edukazzjoni Internazzjonali.

Iċ-Ċina hi responsabbli għal aktar minn wieħed f’kull erba’ studenti barranin fuq il-campuses tal-Unversità fl-Istati Uniti u ċ-ċifra tissupera kull pajjiż ieħor.

Eddie West, id-direttur tal-inizjattivi internazzjonali għan-National Association for College Admission Counseling, qal li filwaqt li ħafna studenti Ċiniżi jridu jissieħbu fl-aktar skejjel ta’ kwalità possibbli (fl-Istati Uniti) ‘il-konkorrenza tiġġenera l-kompetizzjoni u l-inċentivi biex isibu mezzi aktar faċli biex jilħqu dan it-tragward’.

L-applikanti Ċiniżi, ta’ spiss, ma jkunux familjari mal-proċeduri tal-ammissjoni kkumplikati għall-iskejjel fl-Istati Uniti u Eddie West spjega li ‘terzi persuni, li jinkludu nies bla skrupli, qed jisfruttaw is-sitwazzjoni’ biex jgħinu lill-istudenti jsibu post fil-kulleġġ, kultant bil-mezzi li mhumiex xierqa. U filwaqt li hemm mal-500 aġenzija għar-reklutaġġ ta’ studenti li huma ċertifikati mill-Ministeru Ċiniż għall-Edukazzjoni, eluf ta’ aġenziji oħra qed jiffunzjonaw ’il bogħod mill-iskrutinju uffiċjali.