Internazzjonali

Tensjoni fil-kriżi f’Ġerusalemm

IŻRAEL: Kelliem għall-Mexxej Palestinjan, Mahmoud Abbas, fisser l-għeluq ta’ sit reliġjuż ewlieni fil-belt ta’ Ġerusalemm bħala ‘dikjarazzjoni ta’ gwerra’.

Dan meta l-belt reġgħet inħakmet mit-tensjoni wara l-feriment ta’ attivist tal-Lhud waqt sparatura, bil-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, iħeġġeġ għall-kalma waqt li jisħaq li Abbas qiegħed ‘irewwaħ in-nirien tal-inkwiet’.

L-attivist midrub, Yehuda Glick, hu prominenti f’kampanja biex il-Lhud ikollhom aktar ‘drittijiet b’konnessjoni mat-talb’ fis-sit inkwistjoni magħruf bħala t-Tempju fuq l-Għolja jew Haram al-Sharif fost il-Palestinjani. Is-sit jitqies bħala l-aktar ċentru qaddis għal-Lhud u jinkludi l-Moskea al-Aqsa – it-tielet l-aktar ċentru ta’ sinifikat reliġjuż għall-Iżlamiċi.

Il-Pulizija Iżraeljana, aktar tard, qatlet Palestinjan issuspettat dwar l-isparatura li feriet lil Glick u wara li dan il-Palestinjan fetaħ in-nar fuq il-qawwiet tas-sigurtà li kienu qed jiċċirkondaw ir-residenza tiegħu.

Sadanittant, Mahmoud Abbas kien ikkwotat jgħid li l-Palestinjani qed iżommu lill-Gvern Iżraeljan responsabbli għal ‘azzjoni perikoluża’ u sostna li ‘l-eskalazzjoni min-naħa tal-Iżraeljani tammonta għal dikjarazzjoni ta’ gwerra fuq il-poplu Palestinjan, il-postijiet sagri tiegħu u fuq il-pajjiż tal-Għarab u l-Iżlamiċi’.

Abbas hedded li ‘l-Istat tal-Palestina se jieħu l-miżuri legali kollha biex Iżrael jinżamm kontabbli u biex l-Iżraeljani ma jkomplux bl-attakki’. Iżda Benjamin Netanyahu wieġeb li l-Iżraeljani qed jiffaċċjaw mewġa ta’ inċitament mill-elementi radikali Iżlamiċi kif ukoll mingħand iċ-Chairman tal-Awtorità Palestinjana (Abbas) li qal li l-Lhud m’għandhomx jitħallew iżuru t-Tempju fuq l-Għolja.

Fi żviluppi oħra, l-Iżvezja saret l-ewwel pajjiż Ewropew tal-Punent li rrikonoxxa uffiċjalment il-Palestina bħala stat. Il-Ministru Żvediż għall-Affarijiet Barranin, Margot Wallstrom, qed tittama li jagħmlu l-istess pajjiżi oħra, iżda Avigdor Lieberman, il-Ministru Iżraeljan bl-istess dekasteru, ikkritika d-deċiżjoni Żvediża bħala ‘deplorevoli’.