KUBA: L-awtoritajiet Kubani taw permess biex tinbena l-ewwel knisja Kattolika f’55 sena, f’sinjal ta’ relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-Vatikan u l-gvern Komunista ta’ Kuba.
Il-knisja l-ġdida, finanzjata b’donazzjonijiet minn Kattoliċi f’Tampa, fl-istat Amerikan ta’ Florida, se tinbena f’Sandino – belt magħrufa għat-tkabbir tas-siġar taċ-ċitru u l-produzzjoni tal-kafè fl-aktar provinċja mbiegħda fil-Punent ta’ Pinar del Rio.
Il-pubblikazzjoni ‘Christian Life’ tal-Knisja Kattolika qalet li l-knisja se jkollha spazju għal 200 persuna.
“Il-bini ta’ knisja hi eżempju ċar ta’ fażi ġdida, ta’ tisħiħ fir-relazzjonijiet bejn il-knisja u l-istat,” qal Enrique Lopez Oliva, professur dwar l-istorja tar-reliġjonijiet fl-Università ta’ Havana.
Il-Knisja Kattolika kellha relazzjonijiet mimlija tensjoni ma’ dak li uffiċjalment kien gvern ateu għal ħafna snin wara r-rivoluzzjoni tal-1959, iżda dawn tjiebu qabel ma saret iż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1998.
Il-gvern saħħaħ l-osservanza tal-Milied bħala vaganza u beda jippermetti ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa jew l-omeliji biex jixxandru fuq stazzjon uffiċjali.
L-awtoritajiet Kubani ppermettew ukoll is-sħubija fi knisja ta’ membri fil-Partit Komunista. It-titjib fir-relazzjonijiet bejn il-Gvern Kuban u l-Vatikan kien proċess li seħħ bil-mod.
Sentejn ilu, il-Papa Benedittu XVI temm żjara f’Kuba billi kkritika pubblikament l-embargo kummerċjali ta’ 50 sena impost mill-Istati Uniti. Il-Papa Benedittu stqarr li l-embargo, introdott wara r-rivoluzzjoni Komunista ta’ Kuba fl-1959 u li kien issaħħaħ tliet snin wara, kien piż inġust għall-poplu Kuban, wara laqgħa ma’ Fidel Castro, il-mexxej tar-rivoluzzjoni u eks-President.
Il-Papa Benedittu kien għamel il-kummenti fl-ajruport ta’ Havana flimkien mal-President preżenti, Raul – ħu Fidel – wara li ċċelebra quddiesa quddiem folol kbar f’Havana. Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika qal li l-Kubani għandhom “ifasslu soċjetà ta’ orizzonti wesgħin, imġedda u rikonċiljati”.
//= $special ?>

