Lokali

Togħla l-kera tal-Appartamenti tal-Gvern mingħajr pre-avviż, f’ċerti każi b’aktar mid-doppju

Ritratt mill-Arkivji

L-Awtorità tad-Djar qabdet u għolliet il-kera tal-Appartamenti tal-Gvern mingħajr pre-avviż lill-inkwilini, li saru jafu biż-żieda mill-kont li rċievew id-dar. Kienu diversi l-familji, fosthom anke koppji anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, li kkonfermaw dan ma’ MaltaRightNow.com meta rċievew l-aħħar kont li kien ogħla minn tas-soltu.

Ħafna minn dawn il-familji jirċievu l-kont tal-kera kull tliet xhur u f’ċerti każi, din id-darba sabu li l-kont kien irdoppja. Oħrajn sabu li l-ħlas dovut saħanistra żdiedlu b’aktar mid-doppju. Dawk li tkellmu magħna qalu li qabel ma ċemplu fil-Kamra tal-Aħbarijiet, għamlu kuntatt mal-Aworità tad-Djar, bl-Uffiċjal li kellimhom ikkonfermalhom li l-kera kienet fil-fatt għoliet.

Mara li kellmet lil MaltaRightNow.com qalet li mill-Awtorità qalulha li issa l-anqas ammont ta’ kera li wieħed se jibda jħallas hu ta’ €49 fil-każi kollha, immaterjalment minn kemm kien jitħallas qabel. Oħrajn spjegaw li ma setgħux jifhmu kif il-Gvern qabad u għolla l-kera mingħajr ma avża lil ħadd, hekk kif ikkonfmeraw li ħadd minnhom ma rċieva avviż minn qabel li se jiżdiedlu l-ħlas. Il-persuni esprimew ruħhom sorpriżi kif il-Gvern żied il-kera, minkejja li lilhom ma nbidlilhom l-ebda dħul ġdid.

Din hi t-tieni żieda fi spazju ta’ ftit ġimgħat li ġiet imposta fuq il-familji Maltin bil-moħbi, u mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni, wara ż-żidiet u l-ħlasijiet il-ġodda li ddaħlu ftit tal-jiem ilu fuq l-applikazzjonijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC.