Futbol Sport

Hibernians jistgħu jkomplu jżidu l-vantaġġ

Bejn illum u nhar it-Tnejn se jintlagħab programm sħiħ mil-Kampjonat BOV Premier. Il-programm se jintlagħab fuq spazju ta’ tlett ijiem u mhux fuq jumejn minħabba li llum il-grawnd ta’ Kordin m’huwiex disponibbli għaliex hemm il-logħba tar-rugby bejn Malta u l-Kroazja filwaqt li f’Ta’ Qali, bħal ma jsir kull sena daż-żmien, qed jinżera ħaxix ġdid. Bejn illum u għada se jintlagħbu erba’ partiti fil-Victor Tedesco Stadium filwaqt li nhar it-Tnejn jintlagħbu tnejn f’Kordin.

Wara li ġimgħa ilu fetħu vantaġġ ta’ seba’ punti f’ras il-klassifika, Hibernians issa għandhom iċ-ċans ikomplu jkabbru l-vantaġġ li għandhom fuq l-eqreb rivali Birkirkara. Għada Hibs jilagħbu kontra Mosta filwaqt li nhar it-Tnejn B’Kara jilagħbu kontra Sliema. Il-Pawlisti se jkunu qed jilagħbu kontra tim li se jkun ġej minn erba’ telfiet konsekuttivi filwaqt li B’Kara għandhom logħba kontra tim, li wara bidu kemmxejn diffiċli, taħt il-kowċ ġdid Stephen Azzopardi irkupraw kemmxejn. Dan l-istaġun Hibs s’issa qed juru logħob mill-aqwa u fl-aħħar ħarġa tagħhom kisbu rebħa minima ta’ 1-0 fil-konfront dirett kontra B’Kara filwaqt li Mosta, bħal ħafna drabi dan l-istaġun, naqqsu mili jiddefendu vantaġġ li kienu bnew u ġimgħa ilu tilfu 3-2 kontra Floriana wara li sa tmiem l-ewwel taqsima kienu qegħdin 2-0 minn fuq.

Għal Mosta se tkun diffiċli li jirritornaw għar-rebħ, speċjalment kontra tim li mhux biss qiegħed l-ewwel imma kontra tim li għandu l-aħjar attakk u l-aħjar difiża fil-kampjonat. Mill-24 gowl li skurjaw Hibs sebgħa minnhom skurjahom l-attakant Edison Luis dos Santos, plejer li qed jokkupa l-ewwel post fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-kampjonat flimkien ma’ Ellinton Costa Morais ta’ B’Kara. Mosta se jkollhom lil Ryan Grech sospiż.

Il-fatt li Hibs se jilagħbu ġurnata qabel B’Kara wkoll jaf jitfa’ pressjoni fuq it-tim ta’ Pawlu Zammit dejjem jekk huma jieħdu t-tliet punti kontra Mosta. Nhar it-Tnejn B’Kara se jkunu jridu jwettqu reazzjoni wara t-telfa kontra Hibs meta jilagħbu kontra tim li qiegħed fis-sitt post tal-klassifika. Fuq il-karta B’Kara m’għandhomx ifallu kontra Sliema imma dan hu bla dubju ostaklu delikat għall-Karkariżi.

Fl-aħħar ħarġa tagħhom Sliema ġew draw 0-0 kontra Balzan, ġimgħa wara li kienu rebħu 4-1 kontra Mosta.

Jistgħu jitilgħu t-tielet

Ħarsa lejn il-klassifika turi li bħalissa erba’ timijiet qegħdin fir-raba’ post u jekk jirbħu kollha għandhom ċans jitilgħu fit-tielet post.

Illum Valletta jilagħbu kontra Balzan bil-għan li jieħdu t-tliet punti u b’hekk jilħqu lil-istess Balzan fit-tielet post. Ġimgħa ilu t-tim ta’ Gilbert Agius rebaħ 2-0 kontra Naxxar biex irkupra kemmxejn mit-telfiet li kienu fl-aħħar ġimgħat kontra r-rivali B’Kara u Pieta. S’issa ċ-champions għadhom m’humiex qed juru konsistenza u minkejja li għadu kmieni fil-kampjonat żgur li ma jridux iwaaqgħħu diversi punti jekk beħsiebhom jibqgħu viċin il-liders Hibernians u jiddefendu t-titlu li rebħu f’Mejju li għadda.

Minn naħa tagħhom Balzan se jkunu ġejjin minn draw kontra Sliema, riżultat li kien it-tielet draw konsekuttiv għat-tim ta’ Oliver Spiteri. Balzan se jkollhom lil Orlando Serrano sospiż u Valletta lil Hugo Miguel Pires sospiż.

Filwaqt li Valletta se jkunu qed ifittxu rebħa biex jilħqu lil Balzan, iridu wkoll joqgħodu attenti li ma jitilfux għaliex b’punti daqshom hemm Qormi li se jkunu impenjati nhar it-Tnejn kontra Żebbuġ. L-eks kowċ ta’ Sliema Wanderers Alfonso Greco se jkun qed jiddebutta fuq il-bank tar-Rangers wara li inħatar fil-kariga matul il-ġimgħa. Greco, se jkun qed jieħu post Jesmond Zammit li tkeċċa wara r-riżultati negattivi li kiseb it-tim minn meta beda l-istaġun.

Il-Qriema se jkunu ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda tkun dik ta’ 1-0 kontra Tarxien bl-awtur tal-uniku gowl ikun Alfred Effiong li s’issa skurja mijja u gowl fil-Premier.

Fuq il-karta Qormi m’għandhomx ifallu kontra t-tim li qiegħed fl-aħħar post tal-klassifika bi tliet punti u mingħajr rebħa. Fl-aħħar ħarġa tagħhom Żebbuġ tilfu 1-0 kontra t-tim l-ieħor promoss ta’ Pieta.

Iż-żewġ timijiet l-oħra li qegħdin fir-raba’ post u għandhom ċans jitilgħu t-tielet b’rebħa huma Mosta u Sliema, anke jekk dan jidher kemmxejn diffiċli biex iseħħ.

Intant, illum Pieta jmisshom jilagħbu kontra Naxxar u f’dan il-konfront in-Naxxarin għandhom ċans joqorbu lejn l-istess Pieta jekk jieħdu t-tliet punti. S’issa dan l-istaġun Naxxar iddiżappuntaw u ġabru biss erba’ punti biex b’hekk qegħdin erba’ punti taħt Pieta. Żgur li qabel ma beda l-istaġun ħadd ma basar li Naxxar, f’dan il-perjodu tal-istaġun, kien se jkunu qabel tal-aħħar. Naxxar se jkollhom lil Alejandro Reano sospiż.

Fl-aħħar logħba minn dan il-programm Floriana għada jilagħbu kontra Tarxien. Floriana wettqu rimonta mil-aqwa fl-aħħar ħarġa tagħhom kontra Mosta biex b’hekk rebħu wara li kienu ilhom erba’ logħbiet mingħajr rebħa.

Wieħed jista’ jqis il-konfront bejn Floriana u Tarxien bħala konfront dirett għax jifred liż-żewġ timijiet hemm biss punt. Tarxien, li qegħdin fit-disa’ post se jkunu ġejjin minn telfa kontra Qormi filwaqt li Floriana, li qegħdin fl-10 post, se jkunu qed ifittxu t-tielet rebħa tal-kampjonat. Il-Greens jittamaw li l-attakkant Vito Plut, kontra Tarxien jerġa’ jkun fl-istess forma li kien fiha kontra Mosta fejn skurja żewġ gowls biex ġab id-draw momentarju. Floriana se jkollhom lil Matteo Picciolo sospiż filwaqt li Tarxien se jkollhom sospiż lil Sean Cini.

Il-Programm
Għada
Victor Tedesco Std
2pm – Naxxar L. vs Pieta’ H.
4.15pm – Balzan vs Valletta

Il-Ħadd
Victor Tedesco Std
2pm – Tarxien R vs Floriana
4.15pm – Mosta vs Hibernians

It-Tnejn
Kordin
6pm – Żebbuġ R. vs Qormi
8pm – Birkirkara vs Sliema W.