Waħda mid-differenzi li hemm bejn il-partiti politiċi Maltin hi fil-mod kif jittrattaw il-korporazzjonijiet tal-Gvern. Il-Partit Laburista b’mod ġenerali jittrattahom qishom każin tal-Labour; hemm biex jindaħlilhom ħalli jixtri l-voti bi flus il-poplu.
Tmexxija b’miri li jservu lil Malta u bl-anqas indħil politiku
Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa l-oħra, iqis il-korporazzjonijiet tal-Gvern bħala businesses kruċjali b’miri ssettjati sewwa biex dal-korporazzjonijiet iservu lill-pajjiż kollu u tajjeb u allura bi tmexxija serja bla ndħil dirett u ta’ kuljum mill-politiċi.
L-Air Malta turi d-differenza
Did-differenza tidher fl-intier tagħha fl-Air Malta. Il-linja nazzjonali tal-ajru kienet żvilupp naturali u importanti wara l-bidu tal-industrija tat-turiżmu fis-sittinijiet. Imma għal ħafna snin kienet immexxija qisha każin tal-Labour, bi ndħil politiku qawwi u kontinwu biex isservi ta’ sors ta’ impjiegi għan-nies li ried il-Labour.
Fus tat-turiżmu minkejja kompetizzjoni qawwija
Min-naħa l-oħra, f’dawn l-aħħar 40 sena tagħha, Gvernijiet Nazzjonalisti xprunaw lill-Air Malta għal 24 sena biex tkun il-fus tat-turiżmu, immexxija biex tiffaċċja l-kompetizzjoni dejjem teqliel u l-iżviluppi teknoloġiċi li bidlu x-xena tal-ivvjaġġar.
Ristrutturar qawwi li naqqas it-telf għal 13-il miljun sa Marzu 2013
Il-kompetizzjoni ġabet żmien iebes għall-Air Malta li tliet snin ilu bdiet ristrutturar qawwi mmexxi minn management professjonali li naqqas it-telf għal 30 miljun ewro fis-sena sa Marzu 2012, u għal 13-il miljun sa Marzu 2013. Dan kien miljun ewro aħjar milli maħsub fil-pjan wara l-ewwel sentejn mill-ħames snin tiegħu.
L-Air Malta żmerċ mill-pjan bl-indħil politiku tal-Labour li żied it-telf
Imma minn pożizzjoni skont il-pjan ta’ ristrutturar fl-elezzjoni ġenerali, l-Air Malta fl-ewwel sena tal-Labour – fit-tielet sena tal-pjan – sa Marzu li għadda żiedet it-telf flok kompliet tnaqqsu. Bl-indħil politiku, l-Air Malta marret żmerċ mill-programm ta’ ristrutturar approvat mill-Unjoni Ewropea bħala l-aħħar ċans biex l-Air Malta ssalva.
Riżenji kontinwi, l-ebda struttura ta’ management, impjegar ta’ mijiet ta’ nies
Ma tistagħġibx li l-Air Malta marret żmerċ. Kemm ilu l-Labour fil-gvern, l-Air Malta saret revolving door ta’ managements b’riżenji kontinwi. Iċ-chairwoman il-ġdida stess ammettiet li lanqas biss sabet struttura ta’ management. L-impjegar ta’ mijiet ta’ nies fl-aħħar 19-il xahar juri li l-Labour, bħas-soltu, qed iqis lill-Air Malta bħala każin.
Appell qawwi lill-Gvern: ieqaf ittratta ‘l-Air Malta bħala każin tal-Labour
L-Air Malta issa qiegħda tassew f’salib it-toroq. Qiegħda żmerċ fit-tielet sena tal-pjan ta’ ħames snin wara li fl-ewwel sentejn imxiet mal-pjan. Il-Gvern jeħtieġ jisma’ l-appell qawwi li qed isir minn kulħadd, anke mit-tmexxija tal-Air Malta: ġib lura ‘l-Air Malta fit-triq it-tajba u ieqaf ittratta ‘l-Air Malta bħala każin tal-Labour.