Lokali

ESKLUSSIVA: Tfajliet Ċiniżi mibjugħa għal skop ta’ sess u kumpanija u biex iseftru u jagħmluha ta’ carers ma’ anzjani

[headlines headline=”h3″ ]IN-NAZZJON IKOMPLI JINVESTIGA T-TRAFFIKU UMAN TA’ ASJATIĊI LEJN MALTA[/headlines]

Matul is-snin li għaddew sa dawn iż-żminijiet jirriżulta li numru ta’ tfajliet Asjatiċi, l-aktar tfajliet Ċiniżi, litteralment inbiegħu lil terzi persuni għal skopijiet u funzjonijiet differenti.

In-Nazzjon fil-ħarġa tallum tiżvela kif tfajliet Ċiniżi nbiegħu lil terzi persuni għal skop ta’ kumpanija għaliex forsi jgħixu waħidhom! Nistgħu nisvelaw ukoll kif tfajliet minn dawn inxtraw għal skop li jservu lil min xtrahom, anki għal raġuni ta’ sess.

Barra minhekk kien hemm tfajliet oħra Ċiniżi li nxtraw jew inkrew għal skopijiet ta’ għajnuna fid-djar – biex jagħmluha ta’ sefturi. Oħrajn inxtraw jew inkrew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani u jagħmluha ta’ carers.

Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li l-abbużi f’dan ir-rigward ilhom għaddejjin ftit mhux ħażin u qed jissoktaw sal-lum bir-riżultat li dawn it-tfajliet, oriġinarjament miġjuba Malta biex jaħdmu fl-industrija tat-tessuti, spiċċaw jaħdmu f’oqsma oħrajn.

[quote]Tfajliet Ċiniżi oħra nxtraw jew inkrew għal skopijiet ta’ għajnuna fid-djar[/quote]

Forsi għal dan, fissru s-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon, hemm spjega ċara ħafna – dawn l-Asjatiċi jippreferu li jkollhom ħajja aktar eċċitanti u mhux daqstant ‘stressful’ kif ikollhom jgħaddu minnha waqt ġurnata xogħol fil-fabbrika tat-tessuti.

Dawn is-sorsi fissru li huma jafu tajjeb kif l-Asjatiċi fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited jibdew il-ġurnata tax-xogħol tagħhom kmieni filgħodu u jibqgħu għaddejjin jaħdmu sa tard filgħaxija. Ħafna drabi bis-Sibtijiet u l-Ħdud ukoll u bi ftit mistrieħ biss. Din hi kwalità ta’ ħajja iebsa ħafna, aktar u aktar meta fi tmiem ix-xahar dawn jingħataw bħala ħlas bi għexieren ta’ ewro biss.

Għalhekk hi ta’ attrazzjoni għal dawn it-tfajliet li jkollhom l-opportunità li jmorru ma’ terzi jagħmlu xogħol ieħor differenti u forsi aktar interessanti u bit-tama wkoll li jkunu rispettati aktar.

L-opportunitajiet f’dan ir-rigward ma humiex daqstant spissi, iżda In-Nazzjon għandu informazzjoni kif, pereżempju, tfajla inxtrat mingħand persuna partikulari li għandu konnessjonijiet indiretti mal-Leisure Clothing biex iddur bih u għal skopijiet ta’ sess.

Nifhmu li darba minnhom din it-tfajla weġġgħet serjament waqt li kienet qed tagħmel xi xogħol fid-dar fejn tgħix. Is-sid tagħha – umiljanti tassew – qabad lil din it-tfajla Ċiniża u ħadha fil-fabbrika Leisure Clothing u tkellem mal-persuna li magħha ftiehem dwar ix-xiri/kiri tagħha.

Talbu biex jagħtih il-flus meħtieġa biex lil din it-tfajla seta’ jeħodha St. James Hospital għall-kura li kellha bżonn. Madankollu dan ma qabilx li jagħmel dan għax, irraġuna, li l-flus kellu joħroġhom min kien xtara/kera lil din it-tfajla Ċiniża.

Fl-isfond ta’ dan kollu – tal-iskantament – dan ir-raġel telaq ‘il barra mill-bini tal-fabbrika u ħalla lil din it-tfajla muġugħa hemmhekk! Mingħajr ħadd ma pprovdilha ebda kura!

Is-sorsi komplew li tfajla Ċiniża oħra nxtrat/inkriet minn eks ħaddiem li kien jokkupa pożizzjoni għolja fil-kumpanija iżda li llum irtira mix-xogħol.

Tfajla oħra nxtrat/inkriet minn familja ta’ eks-Ministru, li kien jokkupa kariga importanti wkoll fl-Unjoni Ewropea, biex tagħmilha ta’ carer fil-familja u wkoll biex tagħmel xogħol ta’ seftura.

Omm dan il-persuna, u ħutu oħrajn li kważi kollha għandhom il-familja tagħhom, illum daħlet sew fiż-żmien u trid l-għajnuna biex tkun tista’ tfendi ‘l quddiem f’ħajjitha u bla dubju ta’ xejn li d-daqqa t’id ta’ din it-tfajla Ċiniża tagħmel differenza fid-dar.

Għandna aktar każi ta’ tfajliet oħrajn Asjatiċi li jinsabu ma’ familji jew irġiel oħra. Nifhmu li fil-parti l-kbira dawn l-Asjatiċi għandhom kundizzjonijiet ta’ xogħol – sigħat, pressjoni, ikel u affarijiet oħra – ferm aħjar milli kieku jaħdmu fil-fabbrika tat-tessuti.

Flimkien ma’ dan kollu jibqgħu numru ta’ tfajliet Asjatiċi jaħdmu f’industriji oħra, fosthom fi kċejjen ta’ ristoranti u stabbilimenti tal-ikel li joffru ikel Ċiniż u Asjatiku.

Il-GWU, li tirrappreżenta lill-ħaddiema, tikkummenta dwar il-każ

Sadanittant, fi stqarrija l-General Workers Union, li tirrappreżenta lill-impjegati tal-kumpanija Leisure Clothing (Factory) Limited, saħqet li l-Management tal-kumpanija ma jista’ jibqa’ sieket quddiem dan li qed jiġi rrappurtat fil-media. Fl-istqarrija, il-GWU qalet li dalgħodu ltaqgħet mar-rappreżentant tal-ħaddiema fil-Leisure Clothing.

Skont l-istqarrija, kemm ir-rappreżentant tal-ħaddiema kif ukoll numru ta’ ħaddiema nfushom qalu li qatt ma raw lil xi ħaddiema Ażjatiċi jiġu trattati ħażin. Madankollu, il-GWU ħeġġet lill-Pulizija u lill-awtoritajiet biex jibqgħu għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom ħalli toħroġ il-verità.

Din kienet biss it-tieni stqarrija maħruġa mill-GWU dwar dan il-każ żvelat fil-gazzetta Il-Mument tal-Ħadd li għadda, wara li l-Ħamis, il-Kamra tal-Aħbarijiet għamlet kuntatt mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb.