Ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern reġa’ żdied anke bejn Jannar u Settembru 2014. L-istatistika tal-NSO juru li d-defiċit tal-Gvern kien fil-livell ta’ kważi €284 miljun, jiġifieri żieda ta’ €12.5 miljun fuq iż-żmien bejn Jannar u Settembru 2013. Din iż-żieda hi ekwivalenti għal kważi 5%.
Iż-żieda fl-iżbilanċ seħħ minħabba li minkejja li żdied id-dħul, l-infieq tal-Gvern żdied ukoll tant li ż-żieda fin-nefqa kienet akbar minn dik fid-dħul. L-istatistika turi li bejn Jannar u Settembru 2014, meta mqabbel mal-istess xhur tal-2013, id-dħul tal-Gvern żdied b’€171.1 miljun iżda n-nefqa żdiedet b’€183.6 miljun.
Dwar id-dħul, l-istatistika turi li l-Gvern daħħal iżjed mill-VAT, mill-Income Tax u mill-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali. Min-naħa l-oħra, fl-infieq il-Gvern irreġistra żieda sew fin-nefqa rikorrenti, kif ukoll fin-nefqa kapitali. L-akbar żieda fin-nefqa kienet dik fuq Programmi u Inizjattivi, li jinkludu l-benefiċċji soċjali u l-mediċini.
Għal darb’oħra, żdiedet ukoll in-nefqa fuq il-pagi taċ-Ċivil, li jirrifletti ż-żieda fil-Ħaddiema mal-Gvern. L-istatistika tal-NSO turi wkoll li d-dejn ukoll kompla jiżdied biex issa jinsab fil-livell ta’ €5,350 miljun, jiġifieri żieda ta’ €192 miljun jew kważi 4%.
//= $special ?>