Lokali Qorti

Il-PN isostni li bl-iżball tal-Kummissjoni Elettorali ma ġietx rispettata r-rieda tal-votanti

Is-sentenza mistennija għall-5 ta’ Frar li ġej

Il-punt bażiku dwar dak li seħħ fit-8 u t-13-il distrett hu li ma ġietx rispettata b’mod komplet ir-rieda tal-votant. Il-50 vot mormija ta’ Claudette Buttigieg u l-10 voti fuq id-distrett ta’ Għawdex kienu jagħtu stampa differenti tar-rappreżentanza Parlamentari. Dawn il-voti ma nħlewx imma intremew għal xejn. Dan meta f’pajjiż bħal Malta, suppost isaltan id-dritt ta’ proċess demokratiku.

Dan ħareġ mis-sottomissjonijiet finali li saru mill-Avukat Therese Comodini Cachia fir-Rikors Kostituzzjonali li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista dwar dak li ġara fuq iż-żewġ distretti elettorali fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Il-PN kien ippreżenta r-Rikors kontra l-Kummissjoni Elettorali u kontra d-Deputat Laburisti Joe Debono Grech, il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar l-allegat żball fl-għadd tal-voti.

L-Avukat Comodini Cachia qalet li kontra dak li qed tgħid il-Kummissjoni Elettorali, li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili m’għandhiex ġurisdizzjoni fuq il-każ, dan mhux minnu. Barra minhekk, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili għandha tistħarreġ id-dritt tal-votant, li hu wieħed fundamentali.

Min-naħa tagħhom, fis-sottmissjonijiet tagħhom il-Kummissjoni Elettorali u l-Partit Laburista qalu li f’elezzjoni jinħlew ħafna voti u li wieħed ma jistax joqgħod jibda proċess sħiħ mill-ġdid għax inkella tkun qed tiddistabilizza d-demokrazija. Iżda Comodini Cachia wieġbet li għalkemm skont il-Kummissjoni Elettorali u l-PL kollox sar skont il-Liġi u r-rieda tal-maġġoranza, hawn wieħed qed jitkellem fuq rimi ta’ voti u mhux fuq ħela ta’ voti.

Dwar dak li qal Prof Ian Refalo f’isem il-Kummissjoni Elettorali u l-Avukat Pawlu Lia f’isem il-PL, Therese Comodini Cachia qalet li mhux minnu li ħadd m’għandu interess fil-każ. Sostniet li Edwin Vassallo hu parti fil-kawża u għandu interess, kif għandu interess il-PN. Qalet li fil-kawża għandu jiġi indirizzat id-distakk parlamentari għax suppost id-distakk bejn il-partiti għandu jkunu ta’ seba Membri Parlamentari u mhux disgħa.

L-Avukat tal-PN qalet li mhix qed tgħid li l-Kummissjoni Elettorali kellha l-għan li tiffavorixxi xi partit minn ieħor, iżda li biex tara li r-riżultat ikun wieħed ta’ malajr u mgħaġġel ma tistax tkun ‘il bogħod mir-rispett tar-rieda tal-votant. Meta ntremew 50 vot fuq it-8 distrett u 10 voti fuq it-13-il distrett, wieħed jistaqsi jekk il-Kummissjoni Elettorali għandhiex raġun jew imxietx mar-rieda tal-votant. Minħabba f’dak li ġara, il-prinċipju ta’ kif jiġu eletti d-Deputati ma kienx rispettat.

Dwar il-kawża li saret kontra l-Greċja, li ssemmiet mill-Kummissjoni Elettorali u l-PL, Comodini Cachia qalet li din hi differenti għax f’dak il-każ wieħed kien qed jitkellem fuq tliet kandidati li ma laħqux il-kwota b’20,000 vot u mhux 50 jew 10 voti. Qalet li ma tarax kif l-ilment li qed isir m’għandux jiġi milqugħ u mogħti r-rimedju għax id-dritt tal-votant m’għandux jiġi maħnuq. Qalet li mhi titlob lill-ebda Qorti biex xi siġġu Parlamentari jiġi rtirat.

Fir-Rikors, li tressaq mid-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopordi, kif ukoll Edwin Vassallo, qed jingħad li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti. Dan wassal biex minflok ir-rieda tal-votanti li jkunu eletti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi bħala kandidati tal-PN, ġew eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-PL.

Il-PN qed jgħid li mill-kalkoli li għamel, li kieku l-50 vot li spiċċaw għand id-Deputat Michael Asciaq marru fuq Claudette Buttigieg, kif messu ġara għax kienu tagħha, il-PL kien itella’ 38 siġġu u l-PN 27 siġġu. Imbagħad, bil-mekkaniżmu tal-Kostituzzjoni, kienu jingħataw erba’ siġġijiet oħra lill-PN u għalhekk id-differenza fil-Parlament kienet tkun ta’ sebgħa u mhux disgħa, kif inhi llum.

Fix-xenarju l-ieħor, il-PN qal li kieku ngħata s-siġġu ta’ Azzopardi u ta’ Buttigieg, il-PL kien ikollu 37 siġġu, filwaqt li l-PN kien ikollu 28 siġġu. Imbagħad, bil-mekkaniżmu Kostituzzjonali, il-PN kien jingħata żewġ siġġijiet oħrajn biex id-differenza kienet tkun ta’ sebgħa wkoll.

Is-sentenza tħalliet għall-5 ta’ Frar li ġej.