L-indiċi finanzjarji madwar id-dinja komplew jissaħħu fl-aħħar jiem. Fil-bidu ta’ Ottubru konna rajna tnaqqis sostanzjali u bosta analisti kienu qalu li se jinħoloq paniku u se jkun hemm inkwiet fis-swieq.
Dan ma ġarax, hekk kif l-indiċi finanzjarji ssaħħu u jinsabu lura fil-livelli li kienu fil-bidu ta’ Ottubru. Diversi kumpaniji kbar kellhom riżultati pożittivi fit-tielet kwart tas-sena u għaldaqstant waslu biex il-kunfidenza fis-swieq issaħħet. Il-prezzijiet tal-bonds ukoll baqgħu għoljin b’mod ġenerali.
Il-prezz tad-deheb jinsab lura għall-prezz baxx fejn kien fl-2009, filwaqt li dak taż-żejt għadu fl-aktar livelli baxxi ta’ dawn l-aħħar ħames snin.
L-ewro kompla jbatti mad-dollaru Amerikan u diversi muniti oħrajn, inkluż mad-dollaru Awstraljan. Tħabbar li l-Awstralja se ssir l-akbar produttur ta’ gass naturali sal-2018.
Il-kumpanija li tipproduċi prodotti tal-ħalib, Danone, xtrat 25% tal-ishma tal-kumpanija Ċiniża Yashili International Holdings Ltd għal $550 miljun. Jidher li hemm potenzjal qawwi f’dan is-settur fiċ-Ċina. Sony mhux qed tbigħ mobile phones daqs kemm tixtieq. Għall-kuntrarju, qed jirnexxielha tbigħ aktar Playstations minn kemm ippjanat. Madankollu, qed tirrapporta telf fl-aħħar xhur.
Is-swieq finanzjarji mtlew b’aktar kunfidenza malli tħabbar li r-Russja u l-Ukrajna laħqu ftehim biex matul ix-Xitwa, ir-Russja tbigħ il-gass lill-Ewropa b’pajpijiet li hemm fl-Ukrajna. Intlaħaq ukoll ftehim biex l-Ukrajna tħallas id-dejn lir-Russja sal-aħħar tas-sena. Dan id-dejn, li jlaħħaq aktar minn $3 biljun, ilu jakkumula snin.
Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd | www.mpmci.net | tel: 21493250
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.
//= $special ?>