L-Ogħla Mexxej Spiritwali tal-Libja, Sheikh Sadik Al-Ghariani, hu pprojbit milli jidħol ir-Renju Unit ladarba sar magħruf li hu ‘ggwida’ l-impenn tal-milizzji Iżlamiċi biex jaħtfu l-kontroll ta’ Tripli waqt li kien residenti fl-Ingilterra.
Il-Mufti Ewlieni, Sadik Al-Ghariani, ħarab mir-Renju Unit f’Awwissu wara li l-gazzetta The Guardian żvelat li hu kien qed ixandar lill-militanti fil-Libja, permezz ta’ stazzjon tat-televiżjoni fuq l-internet li kien il-proprjetà ta’ qarib tiegħu, ibbażat f’Devon.
Ghariani, magħruf bħala reliġjuż radikali, uża l-websajt Tanasuh biex jiċċelebra l-ħtif vjolenti ta’ Tripli taħt idejn il-milizzji Iżlamiċi tal-grupp ‘Żerniq Libjan’. Fl-istess ħin, il-Mufti bagħat il-messaġġi li fihom insista għall-firxa ‘ta’ din ir-rewwixta’ fil-Libja.
Uffiċjali tal-Home Office Britanniku, intant, investigaw ix-xandiriet ta’ Al-Ghariani u ħarġu direttiva fuq bażi ta’ Risk and Liaison Overseas Network (Ralon) li teskludi lix-Sheik milli jerġa’ jidħol fir-Renju Unit.
Kelliema għall-Ministeru tal-Intern, fir-Renju Unit, qalu li għalkemm mhux soltu li huma jikkummentaw fuq każi individwali, iridu jagħmluha ċara li r-Renju Unit m’għandux pjaċir bil-persuni li jippruvaw ikattru l-mibegħda jew jippromwovu t-terroriżmu.
L-istess kelliema sostnew li l-awtoritajiet Britanniċi se jieħdu azzjoni kontra kull min jirrappreżenta theddida lis-soċjetà tagħhom jew jipprova jdgħajjef il-valuri tradizzjonali ta’ pajjiżhom.
Mhix magħrufa l-lokalità fejn kien qed jgħix Ghariani (fir-Renju Unit) għal diversi xhur din is-sena. Madankollu, l-istazzjon tat-televiżjoni fuq l-internet hu rreġistrat f’isem membru tal-familja tiegħu li qed jgħix viċin il-qalba ta’ Exeter.
Permezz tal-websajt bil-lingwa Għarbija (li n-nies fil-Libja jidħlu fuqha eluf ta’ drabi kuljum), il-Mufti kien iwassal messaġġi, b’xandiriet diretti, lill-militanti jihadisti li kienu qed jiġġieldu kontra l-qawwiet tal-Gvern Libjan fi Tripli. Ghariani anki bagħat messaġġ ta’ ferħ u awguri ‘lir-rivoluzzjonarji tiegħu’ l-għada li Tripli waqgħet lill-milizzji taż-‘Żerniq Libjan’.
Il-Libja għaddiet minn vjolenza qalila wara li dan il-grupp ta’ milizzji – alleanza ta’ qawwiet Iżlamiċi u mill-belt ta’ Misrata – daħal u wettaq straġi fil-kapitali. Is-sitwazzjoni wasslet, fost oħrajn, biex il-Gvern Libjan jaħrab lejn il-Lvant tal-Libja.
//= $special ?>

