Lokali

Mhux se nipproteġi lil min jagħmel ħsara lill-merħla – L-Isqof Scicluna

Waqt li kien qed jitkellem fil-programm Xarabank fuq TVM, l-isqof Charles J Scicluna, l’Amministratur Appostoliku, responsabbli mit-tmexxija tal-Arċidjocesi sakemm jinħatar Arċisqof ġdid qal li hu mhux se jipproteġi lil min jagħmel ħsara lill-merħla, b’referenza ċara għal merħla tal-Knisja.

L-Isqof Scicluna kien qed jitkellem għall-ewwel darba dwar l-allegat każ t’abbuż sesswali fuq mara vulnerabbli minn Fr. Charles Fenech.

L-Isqof Scicluna qal li kien irritat hekk kif ħarġet l-aħbar għax sar jaf li l-akkużat ma’ deher quddiem il-Qorti għal tliet darbiet konsekuttivi, anke jekk preżenta ċertifikati mediċi.

Dwar l-allegazzjonijiet li kien hemm min offra l-flus biex din l-istorja tibqa’ mistura, l-Isqof Scicluna qal li “min jixtri s-silenzji jkun qed jagħmel l-ikbar diżunur lill-Knisja”.

L-Isqof Charles J Scicluna qal li jifhem ir-rabja tan-nies għal każijiet bħal dawn.

L-Isqof Scicluna ċaħad kull aħbar li l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona rriżenja minħabba dan il-każ u sellem lill-Arċisqof f’isem il-poplu Malti kollu.