Raġel weġġa’ wara li kien involut f’inċident fis-sit ta’ Polidano Brothers f’Ħal Farruġ. Jirriżulta li r-raġel weġġa’ wara li nqeleb fuqu fork lifter. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-11.30am u kawża ta’ dak li ġara r-raġel, li għandu 34 sena u hu minn Ħaż-Żebbuġ, sofra xi ksur f’idu.
Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei li ta l-ewwel għajnuna medika lir-raġel qabel ma ttieħed l-Isptar għal aktar kura. Hemm, ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra minn feriti gravi kawża tal-ksur li ġarrab.
Sadanittant, kif l-aħbar tal-inċident ġiet rappurtata mill-media, it-tmexxija tal-kumpanija Polidano Brothers ħarġet ordni biex il-post jitnaddaf b’tali mod li ma jurix li seħħ l-inċident. Fil-fatt, diversi ġurnalisti li waslu fil-post wara biss ftit minuti sabu li l-fork lifter saħansitra tneħħa minn postu.
Aġġornata: Min-naħa tagħha, il-kumpanija ċaħdet l-allegazzjonijiet li s-sit tnaddaf qabel il-waqt. Jean Paul Sammut, ir-rappreżentant legali tal-kumpanija qal lil MaltaRightNow.com li t-tmexxija kienet preżenti waqt l-investigazzjonijiet mill-Pulizija u mill-OHSA. Ir-rappreżentant legali insista li l-ġurnalisti ma sabu xejn għax safejn daħlu ma setgħux jaraw is-sit b’mod preċiż.
//= $special ?>