Ambjent Lokali

Sitt Presidenti u dik attwali ta’ Din l-Art Ħelwa b’Ittra Miftuħa lill-Prim Ministru biex jieħu ħsieb l-Ambjent

Is-sitt Presidenti li mexxew lil Din l-Art Ħelwa u dik li qed isservi llum kitbu Ittra Miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn urew tħassib dwar il-qagħda prekarja tal-Ambjent f’Malta u l-pjani tal-Gvern għall-futur. L-Ittra Miftuħa mis-sitt Presidenti tal-passat u tal-preżent tal-NGO, li qatt ma saret fil-50 sena kemm ilha teżisti, qed issir biex il-Gvern iħares il-wirt ambjentali u kulturali ta’ Malta.

Is-sitt Presidenti ta’ Din l-Art Ħelwa, l-Imħallef Maurice Caruana Curran, Prof Anthony Bonanno, Martin Galea, Martin Scicluna, Petra Caruana Dingli u Simone Mizzi, qed jappellaw lill-Prim Ministru biex jassigura li l-legat tiegħu lejn Malta ma jkunx imfakkar għal aktar qerda fl-ambjent rurali u dak mibni. Din l-Art Ħelwa tinsab imħassba li l-Gvern għadu ma abbozzax Pjan Strateġiku ġdid għall-Ambjent u l-Iżvilupp, filwaqt li nieda biss lista ta’ objettivi bla ebda politika essenzjali dettaljata.

“Malta tħalliet mingħajr strateġija adattata għall-governanza u amministrazzjoni tajba tal-Ambjent, mibni u rurali, u għalhekk qed jingħata lok għal tmexxija ħażina u biex l-abbuż ikompli jirrenja”, sostniet l-NGO. Madankollu, numru ta’ deċiżjonijiet oħrajn li jolqtu lill-Ambjent ukoll huma ta’ tħassib għal Din l-Art Ħelwa. “Il-Politika Rurali l-ġdida, li tikkostitwixxi direzzjoni ġdida għall-kampanja, tista’ twassal għal spekulazzjoni tal-art ‘il barra miż-Żona tal-Iżvilupp”.

Din l-Art Ħelwa żiedet li “politika ġdida biex jogħla l-bini f’żona partikulari fl-Imrieħel ġiet approvata u ma kinitx inkluża fil-fażi tal-konsultazzjoni pubblika kif stipulat fil-Liġi”. L-NGO qalet li “sejħiet għal espressjonijiet ta’ interess fi proġetti għar-reklamazzjoni tal-art ġew ippubblikati mingħajr Marine Spatial Plan ippreżentat, diskuss jew approvat”. Din l-Art Ħelwa tħoss li dawn id-diversi pjani ta’ żvilupp, li jinġiebu kollha b’mod kollettiv bla ebda governanza fl-użu tal-art, jheddu l-aħħar spazji miftuħa mhux mittiefsa.

“Il-kampanja u l-kosta Maltija, il-wirt mibni tagħha, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Maltin u tat-turisti se jkunu qed jitilfu għall-interessi ekonomiċi”. Għaldaqstant, is-sitt Presidenti ta’ Din l-Art Ħelwa lkoll qed jappellaw lill-Prim Ministru biex iżomm il-wegħda elettorali tiegħu u jipproteġi l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.