Nicholas Zahra, ta’ 37 sena u li jiġi ħu Lisa Marie Zahra, qal li għamel żewġ rapporti lill-Pulizija, fosthom li Erin Tanti raqad fid-dar ta’ missieru matul il-lejl, fejn kien hemm ukoll oħtu ta’ 15-il sena. Qal li għamel ir-rapport minħabba li fl-età tiegħu Tanti kien f’residenza ma’ tfajla taħt l-età. Meta quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Erin Tanti, akkużat fost oħrajn bil-qtil ta’ Lisa Marie, ħu l-vittma qal ukoll li kien jaf li oħtu kellha xi feriti li għamlithom lilha nfisha u li ġieli kien kellimha dwarhom. Madankollu, hi kienet taħbilu u tevitalu l-kliem.
Lisa Marie u Erin kienu rrappurtati nieqsa fid-19 ta’ Marzu u Lisa Marie kienet ittellgħet mejta mill-Irdum ta’ Ħad-Dingli. Tanti kien instab ftit ‘il bogħod minnha. Fix-xhieda tiegħu, Nicholas Zahra qal li ilu jgħix għal rasu minn meta kellu 19-il sena u qatt ma għex fl-istess dar ma’ Lisa Marie. Iddeskrieva r-relazzjoni tiegħu magħha bħala waħda tajba u qal li lejliet li seħħ il-każ iltaqa’ mal-handyman fid-dar ta’ missieru Mark Ciangura, li qalu li ra karozza pparkjarta fid-dar matul dak il-lejl, meta missieru kien Dubaj.
Ħu l-vittma qal li għamel tfittxija dwar l-akkużat fuq Google u sab affarijiet inkwetanti. Żied jgħid li kien bagħat email lil missieru biex ma jinkwetahx u aktar tard missieru ċempillu u qallu li kien ġej lura Malta malajr kemm jista’ jkun. Ix-xhud u Ciangura kienu ftehmu li jmorru jagħmlu rapport fl-Għassa tal-Pulizija. Qal li l-għada filgħodu kmieni mar id-dar ta’ missieru u l-housekeeper qaltlu li Lisa Marie ma kinitx fil-kamra tagħha. Wara li fittixha madwar id-dar, qabad il-karozza u mar ifittex lil oħtu fl-inħawi tal-Ibraġġ, fejn ħaseb li kien joqgħod Tanti. Minħabba li la sab lilha u lanqas ra l-karozza tal-akkużat, baqa’ sejjer l-Għassa biex jagħmel rapport ta’ persuna mitlufa.
Filwaqt li spjega li mill-cameras tas-sigurtà ma deher xejn minfejn oħtu kienet ħarġet, Nicholas Zahra kompla li aktar tard ippruvaw iċemplulha fuq il-mobile iżda ma kinitx f’pożizzjoni li tirrispondi. Qal li għall-ħabta tal-10am bdew jaslu l-ewwel Pulizija, x’ħin instabet ittra li ġiet mgħoddija lill-Pulizija u aktar tard kienu msejħa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn saru jafu b’dak li ġara. Waqt il-kontro-eżami, Zahra semma’ li l-kuntatt ma’ hu u oħtu kien biss fi tmiem il-ġimgħa għal xi ikla tal-familja.
Fis-seduta, xehdet ukoll il-kuġina ta’ Lisa Marie, Tania Mercieca, li kkonfermat li fit-18 ta’ Marzu li għadda marret ma’ kuġinuha biex tkellem lil Lisa Marie. Spjegat ukoll il-qatgħa li ħadet meta saret taf x’ġara u li l-familja kienet magħquda, speċjalment billi jikkumpensaw wara li Lisa Marie tilfet lil ommha ta’ età żgħira. Anke hi qalet li kienu jafu li Lisa Marie kienet qed tweġġa’ lilha nnifisha wara li segwiet posts li l-vittma kienet tellgħet fuq is-sit soċjali Tumblr. Qalet li kienu wkoll ġibdulhom l-attenzjoni mill-iskola.
Fi tmiem is-seduta tal-lum, il-Maġistrat Demicoli ordnat li l-ewwel joħroġ Erin Tanti u jitniżżel isfel qabel ma joħorġu l-kumplament tal-persuni fl-Awla. Dan wara li ftit tal-ħin qabel ma bdiet il-kumpilazzjoni, missier il-vittma Tony Zahra deher irrabjat għal Tanti u deher jersaq lejh. Madankollu, Zahra ġie kkalmat minn xi qraba u oħrajn preżenti. Kif spiċċat il-kumpilazzjoni, kien hemm ukoll kommossjoni fil-kuritur, iżda anke f’dan il-każ kollox kien taħt kontroll.
Għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Michael Scirha u Lucio Sciriha, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Josric Mifsud. L-Avukati Joseph Giglio, Gianella de Marco u Stephen Tonna Lowell qed jidhru bħala parti ċivili f’isem il-qraba tal-vittma. Il-każ ikompli fit-18 ta’ Novembru li ġej.
//= $special ?>

