Dan is-sit hu nfurmat li numru ta’ inkwilini mill-Mandraġġ fil-Belt Valletta marru fl-uffiċċji tal-Awtorita’ tad-Djar jipprotestaw għaż-żieda fil-kera tal-appartamenti tal-Gvern.
Il-Gvern qabad u għolla l-kera tal-appartamenti tal-Gvern mingħajr pre-avviż lill-inkwilini, li saru jafu biż-żieda mill-kont li rċivew id-dar.
Kienu diversi dawk il-familji, f’numru ta’ każi anke koppji anzjani – li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali, li l-aħħar kont li rċievew kien ogħla minn tas-soltu.
Ħafna minn dawn il-familji jirċievu l-kont tal-kera kull tliet xhur, u f’ċerti każi, din id-darba sabu li l-kont kien irdoppja, waqt li kien hemm min il-ħlas dovut saħanistra żdiedlu b’aktar mid-doppju.
Inkwilini li tkellmu magħna spjegaw li ma setgħux jifhmu kif il-Gvern qabad u għolla l-kera mingħajr ma avża lil ħadd, għax ħadd minnhom ma rċieva avviż minn qabel li se jiżdiedlu l-ħlas, u saru jafu biż-żieda mill-kont li rċivew id-dar.
Sadanittant fi stqarrija qasira, l-Awtorita’ tad-Djar qalet li qatt ma għolliet il-kera tal-propjeta’ mikrija minnha. Fil-fatt, l-akkomodazzjoni socjali mhux f’idejn l-Awtorita’ tad-Djar izda huma amministrati mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Socjali.
//= $special ?>