Lokali

Żvelat ftehim li sar bil-moħbi tal-Pulizija

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta qalet li ftehim li kien iffirmat dan l-aħħar, u li poġġa l-karigi għoljin fil-Korp taħt ftehim temporanju, se jkun qed idgħajjef il-Forza, l-indipendenza tagħha, l-integrita’ u l-awtonomija tagħha.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-ftehim, bl-isem ta’ Addendum to the document regulating the conditions of service for the police force, kien iffirmat minn wara dahar l-Assoċjazzjoni u mingħajr ebda konsultazzjoni.

Il-ftehim kien iffirmat mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar u mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern Kevin Mahoney.

L-Assoċjazzjoni qalet li hi oġġezzjonat għall-ftehim, li poġġa l-ogħla karigi fil-Korp, fosthom, il-kummissarju, id-deputat u l-assistenti kummissarji taħt dak li jissejjaħ temporary performance agreements li jistgħu jiġġeddu.

L-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, il-persuni li jokkupaw dawn il-karigi jistgħu jkunu taħt kontroll effettiv tal-Eżekuttiv għax tkun fid-diskrezzjoni tal-Eżekuttiv jekk dawn il-karigi għandhomx jitħallew minn dawk li jokkupawhom.

L-Assoċjazzjoni żiedet li l-Korp tal-Pulizija ma jistax jitqabbel ma’ entitajiet ohrajn fis-servizz pubbliku u li l-ftehim dwar il-ħiliet jistgħu jkunu applikati minħabba n-natura delikata tax-xogħol.

Dawn l-ogħla uffiċjali kellhom ikunu indipendenti u mhux ikollhom id-deċiżjonijiet tagħhom ostakolati mill-fatt li jistgħu jitneħħew jekk jieħdu deċiżjonijiet mhux popolari.

L-Assoċjazzjoni saħqet li dan il-ftehim idgħajjef it-twaqqif tal-Forzi, l-independenza tagħha, l-integrita’ u l-awtonomija filwaqt li jwassal biex il-pubbliku jitlef il-fiduċja fil-Korp.

Dan il-ftehim, sostniet l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija qed iġib bidla bla preċedent.

Għaldaqstant l-Assoċjazzjoni qed titlob laqgħa urġenti mal-Police Negotiation Board, pari passu mal-Att tal-Pulizija, sabiex jikkunsidra din il-kwistjoni li ttellgħet għall-attenzjoni.