Lokali

Carmelo Abela jgħid li ż-żieda ta’ 58 ċenteżmu ma għandiex tittieħed b’mod negattiv

Il-Kelliem tal-Gvern Carmelo Abela qal li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ 58 ċenteżmu ma għandhiex tittieħed b’mod negattiv.

Huwa għamel dan il-kumment waqt il-programm Għandi xi Ngħid li jixxandar fuq Radju Malta bi preżentazzjoni ta’ Andrew Azzopardi.

“Tajjeb li nirrimarkaw li jekk iż-żieda tal-għoli tal-ħajja ha tkun baxxa mela ejja ngħidu għalfejn kienet baxxa, minħabba miżuri li ttieħdu li suppost ħallew iktar flus fil-but tan-nies, ma neħduhiex b’mod negattiv” tenna Abela.

Il-kummenti tal-Kelliem tal-Gvern Carmelo Abela jistonaw mhux ftit mal-kritika kbira li saret hekk kif tħabbar li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja se tkun ta’ 58 ċenteżmu – l-inqas waħda għal ħafna snin. Anke l-Partit Nazzjonalista kkritika din iż-żieda u fakkar li meta Joseph Muscat kien Kap tal-Oppożizzjoni kien niżżel in-nies fit-toroq biex jipprotestaw kontra zieda tal-għoli tal-ħajja li kienet id-doppju ta’ dak li qed jagħti llum.

Mhux biss. Il-kummenti ta’ Carmelo Abela li l-poplu ma għandux jieħu ż-żieda ta’ 58 ċenteżmu b’mod negattiv jistonaw ukoll mad-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat li, waqt li kien qed jitkellem fil-kazin tal-Partit Laburista f’Ħaż Żabbar, ammetta li ż-żieda ta’ 58 ċenteżmu għall-għoli tal-ħajja mhijiex biżżejjed.