Lokali

Iben eks kandidat Laburista maħtur segretarju tal-Air Malta

Iben l-eks kandidat Laburista Reno Borg inħatar bħala s-segretarju tal-kumpanija Air Malta.

Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lit-tmexxija tal-Air Malta dwar din il-ħatra – mistoqsijiet li kollha baqgħu mingħajr tweġiba.

L-Air Malta ma weġbitx kif saret l-għażla ta’ Andre Borg f’din il-kariga u jekk ħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet għal din il-kariga.

L-Air Malta għażlet ukoll li ma tweġibx il-mistoqsijiet ta’ dan is-sit dwar min kienet il-persuna li kienet tokkupa din il-kariga qabel ma nħatar Andre Borg. L-AirMalta ma weġbitx lanqas jekk f’din il-kariga kienx hemm diġa persuna mill-istess dipartiment legali tal-kumpanija.

Minflok l-Air Malta għażlet biss li twieġeb b’sempliċiment sentenza li tikkonferma li Andre Borg inħatar fil-kariga ta’ segretarju tal-kumpanija.

Dan is-sit huwa infurmat li wara riżoluzzjoni tal-Bord tal-Air Malta li ttieħdet fis-7 ta’ Awwissu, Andre Borg se jkun qed jieħu post Godwin Aquilina li sa dak iż-żmien kien qed jokkupa l-kariga ta’ segretarju tal-Air Malta.

Ta’ min jgħid li l-ħatra ta’ Andre Borg minn barra l-Air Malta se tkompli żżid mal-ispejjeż ta’ din il-kumpanija li bħalissa suppost għaddejja minn pjan ta’ ristrutturar.

Ta’ min ifakkar li lura f’Lulju 2013, ftit xhur wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni, l-istess Andre Borg inħatar ukoll bħala membru tat-Tribunal tal-Appelli tal-Ħabs – tribunal li huwa mmexxi minn Steven Farrugia Sacco iben l-eks Imħallef Lino Farrugia Sacco.