Lokali

Il-Gvern ma jridx iwieġeb dwar l-ispiża tat-trasport pubbliku

Il-Gvern ma jridx jgħid kemm hi l-ispiża, xahar b’ xahar, tal-Malta Public Transport Services biex ġie operat it-trasport pubbliku mill-istess kumpanija minn Jannar sa Settembru ta’ din is-sena.

F’dan il-perjodu il-Gvern beda jħaddem hu t-trasport pubbliku wara li l-Arriva ddeċidiet li ma tkomplix taħt dan il-Gvern bil-kuntratt li kienet iffirmat taħt l-amministrazzjoni preċedenti.

Id-dikjarazzjoni li għamel il-Gvern li ma jagħtix din l-informazzjoni, għamilha fil-Parlament il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi, fi tweġiba li ta għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina.

Il-Ministru Joe Mizzi qal li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li tingħata din it-tip ta’ informazzjoni minħabba li għadhom ma ġewx finalizzati n-negozjati mal-operatur il-ġdid tat-Trasport Pubbliku.

Mitlub jikkummenta dwar din il-pożizzjoni li ħa l-Gvern, li jaħbi l-informazzjoni mitluba, id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li din l-informazzjoni hi ta’ interess pubbliku ghax in-nefqa saret mill-flus tat-tax payers.

Toni Bezzina kkummenta wkoll li jekk kif qal il-Ministru Mizzi stess għal mistoqsija oħra parlamentari, li hemm tenderer wieħed biss li jikkwalifika, tant li l
Ministru Mizzi stess ma ddejaq xejn imur ghandu Spanja, x’ irid ifisser li għadhom ma ġewx finalizzati n-negozjati mal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku.

Toni Bezzina rrimarka li la darba ntefgħet tender, issa ma jistax jinbidel il-prezz, u staqsa jekk il-Gvern hux se jerġa’ jċaqlaq il-lasti.