“Don’t forget to bring me 50 bottles of water” huwa t-titlu ta’ rapport tal-ġurnalist Joe Mikallef fuq il-ġurnal In-Nazzjon li fih ikompli jiġi investigat it-traffikar uman ta’ Asjatiċi lejn Malta. Rapport li fih In-Nazzjon tiżvela kif dan il-każ jinvolvi wkoll sfruttament tat-tfajliet Ċiniżi li jintalbu flus kbar biex tinħarġilhom il-Visa, u biex issir traduzzjoni miċ-Ċiniż għall-Ingliż, jew viċi versa. Mill-investigazzjonijiet kontinwi li qed ikompli jagħmel il-ġurnal ‘In-Nazzjon’ fuq dan il-każ, jidher li kien hemm, u għad hemm abbużi serji ħafna fil-ħruġ tal-Visa u dokumenti oħra importanti biex barranin jiġu jaħdmu Malta.
‘In-Nazzjon’ tgħid li issa għandha fil-pussess tagħha dokumenti mill-aktar importanti maħruġa kemm minn min joħroġ il-Visas kif ukoll minn min joħroġ il-working permits, u minn dawn tista tislet numru ta’ konklużjonijiet. Jirriżulta li l-abbużi matul is-snin li għaddew seħħew b’ċertu ritmu u komplew iseħħu matul ix-xhur li għaddew, anki jekk ċerti nies ma baqgħux jokkupaw il-kariga li kellhom, għax posthom ħaduh persuni oħrajn.
Fl-istorja tal-Asjatiċi jirriżulta li t-tmexxija ta’ Leisure Clothing qed iżżomm parti sostanzjali mill-paga biex jitħallas is-self li l-ħaddiema jkunu għamlu biex ġew Malta –self li jingħad lilhom li qed jagħmel tajjeb, fost l-oħrajn, għall-ħruġ tad-dokumenti meħtieġa biex jivvjaġġaw lejn Malta. Is-sors li tkellem ma’ ‘In-Nazzjon’ fisser bl-akbar responsabbiltà li matul is-snin, dak li kien qed jiġri kien li parti mis-somma mislufa lil dawn il-ħaddiema, kienet qed tingħata lil xi ħadd fid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni fi ħdan il-Pulizija Maltija biex jiffaċilita l-ħruġ tal-Visa u d-dokumenti l-oħra kollha relatati.
‘In-Nazzjon’ tiżvela kif fis-snin qabel id-dħul ta’ Malta fiż-żona Schengen, persuna partikulari viċin it-tmexxija ta’ Leisure Clothing kienet regolarment tmur fid-Dipartiment tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija Maltija b’għadd sostanzjali ta’ passaporti u applikazzjonijiet għall-ħruġ tal-Visa. Dawn id-dokumenti kienu jingħataw lil membru partikulari fil-Korp tal-Pulizija. Dak li kien jiġri, imbagħad, kien li dan il-membru tal-Korp, li dak iż-żmien kien fost dawk responsabbli mill-ħruġ tal-Visas, kien jiffaċilita u jħaffef il-proċess kollu.
Proprju b’rabta mat-taħwid u l-abbużi fil-ħruġ tal-Visa, matul din il-ġimgħa In-Nazzjon tkellmet ma’ persuna Asjatika li qasmet l-esperjenza tagħha biex tiġġeddilha l-Visa. Ir-rapport jgħid li l-persuna Asjatika tgħid li kien ikun hemm min jaqlgħalha qalbha biex jaqdiha, sempliċement għat-tiġdid tal-Visa. Għalhekk kellha tirrikorri għand eks-Ministru tas-snin tmenin li għandu rabtiet kbar maċ-Ċina, biex jgħinha hu ħalli ġġedded il-Visa tagħha. Din il-persuna tgħid ukoll li dan l-eks-Ministru kien litteralment jisloħha biex jaqdiha – u l-flus kien ikun iridhom fil-pront. Qabel Malta adottat l-ewro, kien jitlobha Lm50 – ekwivalenti għal madwar €115! In-Nazzjon tgħid li din il-persuna wriet wkoll korrispondenza li bagħtilha dan l-eks-Ministru li fiha qalilha “Don’t forget to bring me 50 bottles of water” – naturalment kien qed ifakkarha fil-Lm50 għat-tiġdid tal-Visa tagħha.
Persuna oħra, din id-darba Maltija, qalet – f’kuntatt separat ma’ ‘In-Nazzjon’ – li dan l-istess eks-Ministru ma jiddejjaq xejn jagħmel arranġamenti biex isiru traduzzjonijiet mill-Ingliż għaċ-Ċiniż, jew viċi versa, u ta’ dan jitħallas sew ħafna bl-iskuża li t-traduzzjonijiet mitluba jsiru fiċ-Ċina stess minn persuni kwalifikati. F’każ partikulari, din il-persuna ntalbet madwar €1,000 għal dokument ta’ paġna waħda biss! Dan meta fil-verità t-traduzzjoni jkun għamilha xi student Ċiniż li jkun Malta, u li għal dan ix-xogħol probabbli lanqas jingħata ċenteżmu!
//= $special ?>