Il-gvern lesta r-riżoluzzjoni parlamentari li biha art enormi f’Pembroke se tingħadda lill-Gvern Ċiniż biex fuqha tinbena l-ambaxxata Ċiniża l-ġdida f’Malta.
Ir-riżoluzzjoni se titressaq fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Fir-riżoluzzjoni l-Gvern qed isostni li hi politika tiegħu li jsaħħaħ ir-relazzjonjiet storiċi, internazzjonali, politiċi u ekonomiċi maċ-Ċina u għalhekk qed jiddisponi b’titlu ta’ bejgħ madwar 20,000 metru kwadru ta’ art f’Pembroke biex tintuża bħala ambaxxata Ċiniża.
Il-ftehim bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż hemm speċifikat li l-ħlas għal din l-art hu ta’ 7.8 miljun ewro u fiha l-Gvern Ċiniż qed jintrabat li juża din l-art għal skopijiet ta’ ambaxxata biss.
L-Ambaxxata Ċiniża qed tkun eżentata minn diversi ħlasijiet fosthom il-ħlasijiet tar-reġistru pubbliku, il-ħlasijiet notarili u r-reġistrazzjoni tal-art marbuta ma’ dan il-ftehim.
Din l-ambaxxata Ċiniża se tkun ferm ikbar mis-sit li fuqu l-gvern Amerikan bena l-ambaxxata l-ġdida f’Ta’ Qali. L-ewwel tentattivi kienu biex l-ambaxxata l-ġdida Ċiniża tinbena f’Ta’ Qali propju viċin dik Amerikana iżda dwar dan kien hemm oġġezzjonijiet mill-Amerikani nfushom.
L-art magħżula biex tingħadda liċ-Ċiniżi se tkun tmiss mal-propjeta li l-PL għandu f’Pembroke, l-Australia Hall.
Il-bejgħ ta’ din l-art enormi liċ-Ċiniżi mill-Gvern Laburista hu pass fl-istrateġija ta’ dan il-gvern mal-gvern Ċiniż u li jinkludi l-involviment taċ-Ċinizi fis-setturi kollha, minn dawk kummerċjali u ta’ negozju kbir għal proġetti infrastrutturali sa involviment kulturali anki fl-attivitajiet organizzati minn Malta fl-okkażjoni tal-Belt Kulturali Ewropea fl-2018.
//= $special ?>