Lokali Parlament

Ma weġibx dwar il-ftehim iffirmat maċ-Ċiniżi dwar il-bridge bejn Malta u Għawdex

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament ma weġibx dwar il-ftehim iffirmat maċ-Ċiniżi 15-il xahar ilu dwar il-bridge bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern ukoll għadu mhux f’pożizzjoni jieħu deċiżjoni dwar referendum fost l-Għawdxin dwar jekk jippreferux mina jew bridge bejn Malta u Għawdex.

Dan jirriżulta minn tweġibiet li ngħataw mill-Gvern din il-ġimgħa, mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, għal numru ta’ mistoqsijiet li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Chris Said.

Għall-mistoqsijiet li saru lill-Prim Ministru, Muscat għażel li ma jirrispondi xejn, u qal lid-Deputat Nazzjonalista biex jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru għal Għawdex.

Irriżulta wkoll li l-Gvern, wara sena u nofs mill-elezzjoni, u anke fid-dawl tal-fatt li saru dikjarazzjonijiet ċari, għadu sieket dwar jekk hux beħsiebu jsejjaħ  referendum fost l-Għawdxin, kif kien qal li se jagħmel, biex l-Għawdxin stess jagħżlu jekk jippreferux mina jew bridge bejn Malta u Għawdex.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said staqsa lill-Ministru għal Għawdex jgħid, invista ta’ dak li ġie kkwotat li qal fit-Times of Malta tal-14 ta’ Ġunju 2013, jekk għadux beħsiebu jsejjaħ referendum fost l-Għawdxin biex jagħżlu jekk jippreferux mina jew bridge bejn Malta u Għawdex, u dan peress li għaddew aktar minn 15-il xahar u minn dakinhar sal-lum ma ssemma xejn iżjed fuq dan ir-referendum.

Il-Ministru Refalo  wieġeb biss li l-Gvern bħalissa għaddej bl-istudji sabiex l-istess Gvern ikun jista’ jieħu d-deċiżjoni infurmata dwar il-possibbiltà ta’ bini ta’ pont jew mina bejn Malta u Ghawdex.  Dan minħabba li l-iskop tal-istess rapport ġie mwessa’ sabiex jinkludi numru ta’ alternattivi oħra għal dan il-proġett.

Il-Ministru għal Għawdex għadu għaddej ukoll bl-istudji kollha neċessarji u relattivi dwar il-proposta tal-Gvern għal titjiriet scheduled bejn Malta u Għawdex.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said irrifera wkoll lill- Ministru għal Għawdex għal dak li ġie kkwotat li qal ukoll fit-Times of Malta tal-14 ta’ Ġunju 2013, u jgħid jekk inħarġitx is-sejħa għal expressionofinterest biex ikun hemm titjiriet scheduled bejn Malta u Għawdex, issa li għaddew 15-il xahar minn meta kien ħabbar din l-intenzjoni. Intalab jgħid ukoll li jekk ħarġet din is-sejħa, x’interess kien hemm u fiex wasal il-proċess.

Għal dawn il-mistoqsijiet, ir-risposta xotta tal-Ministru għal Għawdex kienet dik li “l-Ministeru qed jagħmel l-istudji kollha neċessarji u relattivi għall-fini li nvaraw tali proġett”.

B’rabta wkoll ma’ dikjarazzjoni oħra li kien għamel il-Ministru Refalo fl-istess intervista dwar is-servizz ta’ fast catamaran bejn Għawdex u Malta u bejn Għawdex u Sqallija, fejn kien rappurtat li qal li nħarġet sejħa, il-Ministru Refalo qal li fir-rapport kien ikkwotat ħażin.

Mistoqsijiet oħra li jolqtu lil Għawdex u lill-Għawdxin, saru mid-Deputat Nazzjonalista Chris Said lill-Prim Ministru Joseph Muscat, fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet u wegħdiet ukoll li kien għamel lill-Għawdxin.

Chris Said staqsa lill- Prim Ministru jgħid jekk ir-rapport fuq l-bridge bejn Malta u Għawdex li kellu jsir mill-kumpanija Ċiniża, tlestiex u dan peress li meta ġie ffirmat il-ftehim ma’ din il-kumpanija fl-14 ta’ Ġunju 2013 kien intqal li dan kellu jkun lest fi żmien 15-il xahar.

Talab ukoll lill-Prim Ministru biex jekk dan ir-rapport tlesta, ipoġġi kopja tiegħu, jew tal-inqas il-konklużjonijiet tiegħu, fuq il-Mejda tal-Kamra. U jekk għadu mhux lest, il-Prim Ministru kien mitlub jgħid meta hu maħsub li jitlesta dan ir-rapport.

Mistoqsija oħra fil-Parlament lill- Prim Ministru minn Chris Said fil-Parlament trattat it-tender dwar il-fattibbiltà ta’ mina bejn Malta u Għawdex, u jekk l-offerta nħarġitx.

Il-Prim Ministru Muscat fi stqarrija ministerjali tat-18 ta’ Ġunju 2013, kien informa lill-Parlament li fuq parir tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Ministeru tal-Infrastruttura, il-Gvern kien iddeċieda li jkompli bl-istudji mibdija mill-Gvern preċedenti u jmur għal studju ta’ fattibbiltà li skont dik l-istqarrija, it-tender għalih kellu jinħareġ sal-aħħar tas-sena 2013.

Id-Deputat Nazzjonalista staqsa, għalhekk, jekk inħarġitx din it-tender, fiex wasal il-proċess, u jekk le, meta hu mistenni li tinħareġ.

Għal dawn il-mistoqsjiet, il-Prim Ministru, minkejja d-dikjarazzjonijiet li kien għamel fil-Parlament, wieġeb biex jagħmel il-mistoqsijiet lill-Ministru kkonċernat.