Kien każ li seta’ kellu tmiem iktar traġiku iżda li fortunatament spiċċa b’wiċċ il-ġid.
Nhar il-Ġimgħa filgħaxija Natal Fenech ta’ 66 sena minn Tas-Sliema ħareġ jippassiġġa f’Pembroke bil-kelb tiegħu. F’xi ħin il-kelb waqa’ f’kanal tal-ilma li kien jagħti għal bir.
Natal daħal wara l-kelb iżda inqabad fl-ilma u għadda l-lejl kollu sa għonqu fl-ilma jżomm il-kelb tiegħu. Kellu jkun barrani li kien għaddej mill-viċinanzi li, wara li sema’ l-inbiħ tal-kelb, mar jitlob l-għajnuna ta’ familja fl-eqreb triq f’Pembroke.
Immedjatament issejħet il-pulizija fuq il-post u r-raġel ittella’ qawwi u sħiħ mill-bir nhar is-Sibt waranofsinhar. Hu instab li kien qed isofri minn kesħa kbira u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal iktar kura.
Wara li ttella’ r-raġel il-Pulizija baqgħet għaddejja bit-tfittxijiet tagħha għall-kelb fl-inħawi.
//= $special ?>

