It-tim nazzjonali Malti tar-Rugby fetaħ l-impenji tiegħu fl-ewwel logħba f’Diviżjoni 2A tan-Nation Cup b’rebħa 31-26 kontra l-qawwa tal-Kroazja bl-eroj tal-logħba jkun James O’Brien li spikka b’total ta’ 16-il punt.
B’hekk it-tim immexxi min damien Neill kompla fejn ħalla l-istaġun li għadda meta fl-istess ground kien għeleb lill-istess Kroazja 37-18.
Preżenti għal din il-partita biex jagħtu l-appoġġ lit-tim nazzjonali Malti fost pubbliku numeruż kien hemm ukoll il-Kap tal-Partit Nazzjonali Simon Busuttil, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius.
B’għadd ta’ plejers ta’ esperjenza li jilagħbu fi New Zealand, il-Kroati, li jinsabu fid-59 post tar-ranking mondjali, riedu joħorġu mill-ground tal-Hibs b’rebħa imma reġgħu sabu tim Malti determinat u organizzat ferm.
Kien is-solitu James O’Brien li minn penalty fetaħ l-iskor għal Malta ftit qabel il-ħames minuti, bil-Kroati jfallu l-ewwel penalty tagħhom sekondi wara u l-iskor baqa’ 3-0 favur Malta.
L-istess O’Brien imbagħad skorja żewġ penalties oħra għal Malta, wieħed minnhom minn angolu ferm diffiċli u għamilhom 9-0 sal-11-il minuta.
Mat-18-il minuta wara nuqqas ta’ attenzjoni wasal l-ewwel try tal-logħba min-naħa Kroata li mbagħad skorjaw ukoll il-conversion u malajr għamlu l-iskor 9-7.
Dawn il-punti għamlu kuraġġ lill-Kroati li bi plejer aktar wara li James Morris intwera l-karta s-safra, għamlu try oħra u marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ 9-12.
Eżatt qabel Morris tħalla jirritorna fil-pitch, O’Brien għamel ir-raba’ penalty minn erbgħa għal 12-12.
Fis-26 minuta ħarba mill-isbaħ għal Malta wasslet lil Vince Stivala li minn mal-linja għamel l-ewwel try għat-tim ta’ Damien Neill u O’Brien għalkemm angolat skorja l-conversion biex it-tim Malti daħal jistrieħ 19-12 minn fuq.
It-tim Malti kellu bidu eċċellenti fit-tieni taqsima meta minn kontra-attakk veloċi kien James Morris li patta għall-għaxar minuti li kien għamel imkeċċi fl-ewwel taqsima u għamel try wara azzjoni mill-isbaħ. O’Brien għamel il-conversion u kabbar il-vantaġġ 26-12. L-istess O’Brien imbagħad falla l-ewwel penalty tiegħu għal darb’oħra minn pożizzjoni ferm diffiċli.
Fil-61 minuta l-Kroati naqqsu d-distakk bi try u conversion oħra għal 26-19 imma erba’ minuti wara Luke Watts żmarka lil Vince Stivala li b’ħarba mal-linja għamel try oħra għal 31-19 wara li O’Brien falla l-conversion.
Tliet minuti mit-tmiem il-Kroati għamlu try oħra għal 31-26 imma sat-tmiem it-tim Malti rnexxielu jżomm il-ħames punti vantaġġ li kellu biex issa minn 10 konfronti kontra l-Kroazja ż-żewġ naħat rebħu ħames partiti kull wieħed.
Nhar il-Ħamis it-tim Malti jmur ir-Repubblika Ċeka biex jilgħab it-tieni logħba tiegħu minn dan il-grupp kontra ċ-Ċeki li kienu relegati minn Diviżjoni 1B. Din se tkun l-ewwel darba li Malta se tilgħab kontra ċ-Ċeki. F’dan il-grupp hemm ukoll, l-Iżvizzera u l-Iżrael.
L-iskwadra Maltija li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu Damien Neill kienet din: Daniel Apsee, Rhodri Apsee, Jack Basher, Roderick Borg, Ryan Borg, Calvin Briffa, Domnic Busuttil, Clayton Cassar, Dragan Cerketa, Marvin Cordle, Joseph Cutajar, Mark Davey, Thomas Davey, Luyke Debattista, Darren Deguara, Kaine Dimech, John Ellul, Julian Galea, Daniel Holliday, Rob Halloway, Thomas Holloway, James Kirk, Kyle Mason, James Morris, James O’Brien, Toby Quarendon, Christian Schranz, Vince Stivala u Luke Watts.
//= $special ?>