Mill-1 ta’ Novembru ntemmet il-ħidma Taljana magħrufa bħala Mare Nostrum fil-Mediterran. Ħidma li biha tul din is-sena kienu salvati aktar minn 100,000 immigrant li kienu qed jagħmlu vjaġġ fuq il-baħar bejn l-Afrika u l-Ewropa.
Minflok uffiċjalment mill-1 ta’ Novembru trid tibda l-ħidma tal-Unjoni Ewropea mlaqqma Triton imma se jkun hemm bżonn tal-anqas xahrejn oħra sakemm tintemm it-trasferiment tal-ħidma …ħidma li se tiswa mat-3 miljun Ewro kull xahar u li se tkun finanzjata mill-aġenzija Ewropeja Frontex. Ħidma li wkoll se tkun fuq skala iżgħar minn dik li kienet qed twettaq l-Italja.
Fil-frattemp, l-Italja se tkompli l-għassa madwar Lampedusa imma b’terz tal-mezzi li kienet qed tuża s’issa . Meta tidħol fis-seħħ fis-sħiħ il-ħidma Triton, din se tibda tuża mas-sitt bastimenti tal-gwerra minn pajjiżi varji kif ukoll żewġ ajruplani u helicopter.
Mare Nostrum kienet ħidma ta’ emerġenza wara traġedji kbar fost l-immigranti barra Lampedusa fosthom fit-3 ta’ Ottubru tal-2013 fejn kienu mietu aktar minn 300 persuna.
Hekk kif ħabbar it tmiem tal-ħidma, il-Ministru tal-Intern Taljan Angelino Alfano tenna li s-soluzzjoni għall-kriżi tal-immigrazzjoni ma kienitx fuq il-baħar imma kemm fl-Afrika stess kif ukoll b’impenn akbar mill-bqija tal-UE.
//= $special ?>

