Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat qiegħed jippjana li jinvolvi direttament lill-kumpanija tal-ajru Ċiniża Air China fl-operat tal-Air Malta.
Il-gazzetta il-Mument zvelat li hemm numru ta’ possibbiltajiet dwar il-grad ta’ involviment mill-Air China – li hi proprjetà tal-Gvern Ċiniż – fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Jista’ jagħti l-każ li l-Gvern ibiegħ il-maġġoranza tal-ishma tal-kumpanija Air Malta lill-Air China kif għamel fil-Korporazzjoni Enemalta meta din prattikament għaddiet kważi kollha kemm hi lill-kumpanija Ċiniża Shanghai Eletric.
Hemm imbagħad il-possibbiltà li l-Air China tingħata biss parti – kbira jew żgħira – mill-ishma tal-Air Malta… dwar dan jidher li qed ikunu studjati numru ta’ possibbiltajiet, fosthom dwar kemm-il Gvern Malti lest iċedi mit-titlu assolut li għandu bħalissa fil-kumpanija Maltija bil-konsegwenzi u r-riperkussjonijiet kollha li ħaġa bħal iġġib magħha.
Possibbiltà oħra li qed tkun studjata mill-Gvern flimkien mal-esperti tiegħu hi dik li jsib forom oħra ta’ arranġamenti biex l-Air China tidħol u ġġorr hi l-piż finanzjarju tal-kumpanija tal-ajru Maltija. Fosthom il-possibbiltà li dan il-ftehim ikun wieħed għal ammont ta’ snin biss.
Huwa fatt maghruf li l-Air Malta reġgħet, taħt l-Amministrazzjoni preżenti, mhix sejra tajjeb xejn. Aktar kmieni din il-ġimgħa stess f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Air Malta stess ingħad li l-kumpanija tilfet ir-rotta tal-Pjan ta’ Ristrutturar u li minn profitti pproġettati ta’ €3.2 miljun se tirreġistra telf li jista’ jammonta għal €16-il miljun.
Sadanittant, f’intervista mal-gazzetta The Malta Independent on Sunday, il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef qal li l-Air Malta għandha assi, fosthom il-landing slots f’ajruporti ewlenin Ewropej bħal Heathrow, li għandhom jattiraw investiment minn linji tal-ajru mhux Ewropej.
Philip Micallef qal ukoll li hemm il-kapaċita ta’ konnessjoni mal-Lvant, mhux biss il-Lvant Nofsani iżda wkoll lil hinn minnu.
//= $special ?>