Futbol Sport

Chelsea jkomplu jirbħu waqt li Liverpool b’aktar problemi

Chelsea żammew mal-pronostiku u kisbu t-tliet punti mill-konfront ma’ Queens Park Rangers fi Stamford Bridge, waqt li Southampton – it-tim revelazzjoni tal-istaġun – komplew isegwuhom fit-tieni post wara li għelbu lil Hull City barra minn darhom.

Fil-verita, il-Blues ta’ Jose Mourinho kellhom jitħabtu aktar milli mistenni kontra Rangers li reġgħu urew titjib kbir fil-logħob wara r-rebħa ta’ nhar it-Tnejn fuq Aston Villa u fejn ħolqu mhux ftit tal-problemi għal-liders tal-Premiership.

Intant, l-internazzjonali Brażiljan Oscar irritorna għal Chelsea wara nuqqas ta’ erba’ logħbiet u żblokka r-riżultat wara nofs-siegħa fuq suġġeriment ta’ Cesc Fabregas.

Fit-tieni taqsima, Charlie Austin skorja l-ħames gowl tiegħu tal-istaġun għal 1-1 u b’Chelsea joħorġu mill-ġdid ifittxu l-gowl tar-rebħa li wasal minn penalty xi ftit kontroversjali wara li r-referee iddeċieda li d-difensur ta’ QPR Eduardo Vargas kien ikkommetta foul fil-kaxxa fuq Eden Hazard. L-attakkant Belġjan inkariga ruħu mill-ħdax il-metru u fejn ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Robert Green.

B’din ir-rebħa, Chelsea fetħu vantaġġ temporanju ta’ disa’ punti fuq iċ-Champions Manchester City li llum, wara nofsinar, huma impenjati fid-derby ma’ Manchester United fl-Etihad Stadium.

Southampton ħarġu bit-tliet punti ma’ Hull City fil-KC Stadium, bil-gowl ta’ Victor Wanyama wara tliet minuti logħob ikun biżżejjed għas-Saints biex jikkonsolidaw posthom bħala sfidanti ta’ Chelsea, bi 22 punt mill-ewwel għaxar impenji.Wanyama sab ix-xibka b’chip minn 25 metru wara l-clearance żbaljat tal-gowlkiper ta’ Hull, Eldin Jakupovic. Is-Saints, b’hekk, kisbu seba’ rebħiet mill-aħħar tmien logħbiet fil-kampjonat.

Sadanittant, Newcastle United komplew bir-rimonta impressjonanti tagħhom fejn kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva fil-league għall-ispejjeż ta’ Liverpool.

Ir-Reds, issa, jinsabu fi kriżi wara riżultat ieħor deludenti u meta qed jiffaċċjaw ġimgħa importanti, fejn, nhar it-Tlieta, jilgħabu l-impenn taċ-Champions League kontra Real Madrid fis-Stadio Bernabeau, waqt li, nhar is-Sibt, jilqgħu lil Chelsea f’Anfield Road.

Newcastle niżlu għall-konfront f’St James Park friski mis-suċċess (2-0) fuq Manchester City fil-Capital One Cup u ħadu l-inizjattiva sa mill-bidunett, bl-attakkanti tal-Geordies, Remy Cabella u Papiss Cisse ikunu ta’ wġigħ ta’ ras kontinwa għal Liverpool.

Intant, il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal tard fit-tieni taqsima, meta s-sostitut Ayoze Perez sab ix-xibka mill-viċin wara li l-cross ta’ Paul Dummett qabad id-difiża ta’ Liverpool fuq sieq waħda. Il-Geordies anki fallew ċans faċli biex jirduppjaw, b’ħarba ta’ Cabella li ra x-xutt tiegħu milqugħ b’diffikulta minn Simon Mignolet.

Arsenal ħallew għall-aħħar 20 minuta biex jegħlbu lil Burnley 3-0 fl-Emirates Stadium, bil-gowls jaslu minn Alexis Sanchez (2) u Callum Chambers. B’hekk, il-Gunners kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi fil-league għall-ewwel darba f’dan l-istaġun, waqt li Burnley għadhom jistennew għall-ewwel rebħa, fejn jinsabu fl-aħħar post tal-Premiership, b’erba punti biss minn għaxar logħbiet.

Everton u Swansea spiċċaw fi draw, 0-0, f’Goodison Park, bis-Swans ikollhom jikkuntentaw b’punt wara li, fit-tieni taqsima, tkeċċielhom Jonjo Shelvey li ntwera tieni karta safra fit-72 minuta.
Din kienet il-200 logħba ta’ Roberto Martinez (eks-Swansea) bħala manager fil-Premier League, iżda Everton naqsu milli jiċċelebraw l-okkażjoni bit-tliet punti, fejn rari ħabbtu lill-gowlkiper Lukasz Fabianski. Qabel it-tkeċċija ta’ Shelvey, is-Swans kellhom ukoll għajta valida għal penalty meta x-xutt tal-attakkant deher milqugħ fil-kaxxa minn Antolin Alcaraz, bir-referee iħalli l-logħob għaddej.

Leicester City spiċċaw megħluba minn West Bromwich Albion fil-King Power Stadium, b’awtogol ta’ Esteban Cambiasso jiddeċiedi l-konfront fil-bidu tat-tieni taqsima. Il-mument deċiżiv seħħ mill-cross ta’ Saido Berahino, bil-ballun jixxellef mad-difensur tal-Foxes, Wes Morgan, għal fuq Cambiasso li komplih għal ġewwa b’sidru.

B’din it-telfa, Leicester jinsabu punt wieħed biss fuq iz-zona l-ħamra u fejn skurjaw darbtejn biss fl-aħħar ħames logħbiet tal-league.

Stoke City raw vantaġġ ta’ żewġ gowls ma’ West Ham United jisfuma f’nofs it-tieni taqsima, bil-Hammers iwettqu reazzjoni qalbiena biex isalvaw punt kontra kull mistenni.

L-ewwel taqsima kienet kollha ta’ marka Stoke, b’Victor Moses, li hu misluf mal-Potters minn ma’ Chelsea, ipoġġihom fil-vantaġġ sal-mistrieħ, bit-tieni gowl jasal minn Mame Biram Diouf, fis-56 minuta. Minn dak il-ħin, West Ham bdew jilgħabu aħjar u Enner Valencia naqqas id-distakk b’daqqa ta’ ras. Għaxar minuti wara, l-internazzjonali Ekwadorjan għadda ballun preċiż lil Stewart Downing li ma żbaljax għal 2-2 finali.