Il-ftuħ tal-powerstation il-ġdida huwa mistenni li jiġi pospost mill-anqas għal perjodu ta’ sitt xhur. Dan ħareġ mill-ħarġa tal-gazzetta The Sunday Times of Malta, li irrappurtat kif dan se jkun qed ifisser li mhux se jkun possibbli għall-Enemalta biex tibda tirċievi l-kwantita’ maqbula ta’ elettriku u LNG mill-konsorzju li jirbaħ dan it-tender sal-aħħar ta’ Settembru li ġej.
Is-Sudnay Times of Malta fakkret kif il-Gvern riċentament ammetta li mhux se jirnexxilu jżomm il-wegħda tiegħu li jibni power station ġdida sa’ Marzu li ġej, filwaqt li saħqet li għad m’hemm l-ebda indikazzjoni dwar meta se jintemm dan il-proġett.
Minkejja li kemm il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi u l-Prim Ministru Joseph Muscat saħqu li n-negozjati mal-kumpanija Shangai Electric Power għadhom għaddejjin, uffiċċjali fl-Enemalta qalu lil gazzetta The Sunday Time of Malta li dan il-proġett diġa’ ġie pospost b’sitt xhur, filwaqt li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u Shangai Electric Power se jwasslu għal aktar dewmien.
Huwa għalhekk li huma qed iħarsu lejn Settembru 2015 bħala l-eqreb data meta tista tinfetaħ il-powerstation il-ġdida, data li huma stess jammettu li hija waħda ottimista ħafna.
Dawn l-uffiċċjali qalu wkoll li id-data ta’ Marzu 2014 qatt ma kienet data realistika għal proġett daqshekk kumpless, u huwa biss matul l-aħħar jiem li il-Gvern intebaħ b’dan.
Kelliema għall-Enemalta urew ukoll it-tħassib tagħhom li ma jafux minn fejn se jiġu l-flus biex il-Gvern iraħħas il-kontijiet kif wiegħed f’Marzu li ġej.
Il-kelliema għall-Enemalta ikkonfermaw ukoll kif id-dati l-ġodda meta mistsennijja titlesta l-power station se jitħabbru biss wara li jintemmu in-negozjati bejn il-Gvern, Shangai Electric Power u Electro Gas Malta.
//= $special ?>