Illum il-poplu Malti qed jara d-differenzi bejn illum u sena u nofs ilu, b’ekonomija b’saħħitha u l-inqas livell tal-qgħad fl-istorja ta’ Malta. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat f’laqgħa fil-każin Laburista ta’ Ħal-Għaxaq il-Ħadd filgħodu.
Matul din il-laqgħa, Muscat saħaq li dan huwa gvern b’attitudni pożittiva li huwa magħmul minn persuni dedikati biex jisimgħu il-bżonnijiet tan-nies. Fost l-oħrajn huwa semma kif illum il-poplu qed iħoss id-differenza fil-but, b’mod speċjali minħabba prezzijiet orħos tad-dawl. Minkejja dan, huwa naqas li jsemmi ż-żieda ta’ 58ċ li mistennijja li tingħata bil-budget li jmiss.
Dwar il-budget, Muscat semma biss kif dan se jkun qed jindirizza l-istabbilita’ ekonomika u li huwa wieħed ta’ ġid, kif muri mill-approvazzjoni li ingħatat mill-Kummissjoni Ewropea.
Fuq din it-tema huwa semma wkoll ir-riżultati pożittivi ta’ 3 banek Maltin, li għaddew mill-istress test tal-Bank Ċentrali Ewropew, fejn Malta kienet waħda minn 8 pajjiżi biss fejn il-banek li ġew soġġetti għal dan it-test għaddew kollha.
Muscat semma wkoll kif il-poplu Malti qed igawdi prezzijiet stabbli fid-diesel, filwaqt li naqas li jitkellem dwar kif ir-rata fissa dikjarata mill-Gvern tagħmila impossibbli biex il-konsumatur ikun jista jgawdi minn prezzijiet dejjem jorħsu f’dan il-qasam.
Muscat tkellem ukoll dwar il-konġestjoni fit-toroq, u ħabbar li dalwaqt se jibda xogħol ta’ infrastruttura bil-lejl biex ix-xogħol ikun jista’ jimxi aħjar.
Huwa irrefera wkoll dwar l-allegazzjonijiet dwar il-pannelli, u saħaq li min hu responsabbli għandu jerfa r-responsabilita’ politika ta’ dan.
Matul id-diskors tiegħu Joseph Muscat tkellem dwar il-vjaġġ tiegħu f’Singapore jirreklama l-bejgħ tal-passaporti Maltin, u tenna li pajjiżna għandu l-potenzjal li jkun ta’ suċċess daqs Singapore, tant li ż-żewġ pajjiżi huma mistennijja li jikkooperaw flimkien kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat.
Fi stqarrijja maħruġa mill-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għal dan id-diskors, il-Partit Nazzjonalsita tenna li huwa ironiku kif Muscat qed jipprova jikkonvinċi l-poplu Malti li huwa onest billi joqgħod ifaħħar lilu nnifsu, filwaqt li tenniet kif kull darba li jitkellem Joseph Muscat, huwa jkompli jinqabad f’gidba wara l-oħra.
L-istqarrijja ikkritikat il-mod kif Joseph Muscat qatta’ iktar minn nofs id-diskors tiegħu jattakka personalment lil kap tal-Partit Nazzjonalsita Simon Busuttil filwaqt li naqas li jsemmi il-proġett li bih Muscat rabat il-karriera politika tiegħu…dak li jibni powerstation sa Marzu li ġej.
Il-Partit Nazzjonalista saħaq ukoll kif għal kuntlarju ta’ dak li qal Joseph Muscat meta tkellem dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, huwa dejjem saħaq li il-Partit Laburista għandu jrodd lura dak li seraq mingħand il-poplu Malti.
L-istqarrija saħqet ukoll kif Muscat ma’ jistax jitwemmen meta jisħaq li hu jifhem dak li qed iħossu l-familji Maltin, għax filwaqt li lil Kelliem tiegħu tah 58,000 Ewro, lil familji Maltin tagħhom biss 58ċ.
//= $special ?>