Futbol Sport

Juventus igawdu miż-żelqa ta’ Roma waqt li Inter jitilfu kontra Parma

Juventus għelbu lil Empoli barra minn darhom biex mill-ġdid fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fil-quċċata ta’ Serie A, b’Roma jsofru t-tieni telfa tal-istaġun kontra Napoli, 2-0, fis-Stadio San Paolo.
Juventus kienu determinati li jpattu għat-telfa ta’ nofs il-ġimgħa ma’ Genoa, b’Andrea Pirlo jagħtihom il-vantaġġ minn freekick wara siegħa. Fit-72 minuta, Carlos Tevez għadda ballun lil Alvaro Morata li aċċerta mill-punti għal Juve meta mill-ġdid għeleb lill-gowlkiper Davide Bassi għat-2-0 finali.

Il-konfront bejn Napoli u Roma intlagħab taħt sigurta kbira, wara l-każ traġiku ta’ Ciro Esposito, is-sapporter tal-Partenopei, li f’Mejju spiċċa maqtul minn sapporter ‘ultra’ ta’ Roma qabel il-finali tal-Coppa Italia.

Din kienet anki l-ewwel darba li t-tims iltaqgħu f’logħba kompetittiva wara t-traġedja, b’Napoli jagħtu l-aħjar wirja tal-istaġun u b’Gonzalo Higuain isib ix-xibka b’akrobazija wara biss tliet minuti. Napoli iddominaw għal ħinijiet twal u ħames minuti mit-tmiem, il-prolifiku Jose Maria Callejon irdoppja meta rċieva mingħand Higuain. Il-Partenopei issa qabżu t-tielet fil-klassifika, bi 18 il-punt – erba’ anqas minn Roma.

Fil-logħba li ntlagħbet tard Inter sfaw mgħeluba 2-0 minn Parma b’żewġ goals ta’ Paolo De Ceglie.