Lokali

L-ispirtu tal-Milied fil-qofol tal-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN

L-ispirtu tal-Milied se jkun il-qofol tal-maratona ġbir ta’ fondi li se jorganizza l-Partit Nazzjonalista fil-5, 6, 7 u 8 ta’ Diċembru hekk li din is-sena se jinbidel il-kunċett ta’ kif tittella’ din l-attività. Għalhekk, il-Partit mar għal idea li jagħmel Christmas Market fejn tliet sulari sħaħ tad-Dar Ċentrali se jinbidlu fi Christmas Markets li se joffru attrazzjoni għall-familja kollha.

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li qed jikkordina l-maratona li issa se tkun daħlet fil-15-il edizzjoni tagħha, qal dan f’intervista ma’ il-mument dwar il-Maratona Ġbir ta’ Fondi ta’ Diċembru.

Hu qal li se jkun hemm ukoll l-element reliġjuż li se jkollu parti importanti għax dan hu l-ħsieb ewlieni tal-Milied. Għall-ewwel darba fid-Dar Ċentrali se jkun hemm sular li se jinbidel f’esibizzjoni ta’ presepji u hemm ammont kbir ta’ presepji li se jkunu esibiti, ta’ kull għamla u qies. Se jkun hemm soft opening biex tingħata attenzjoni lil din il-wirja mill-isbaħ ta’ presepji li se jsir il-Ħamis, ġurnata qabel tibda l-maratona.

Robert Cutajar qal li l-attivitajiet tal-Maratona se jibdew il-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru u matul l-erbat ijiem tal-maratona l-protagonisti ewlenin se jkunu t-tfal u ż-żgħażagħ. Fid-daħla tad-Dar Ċentrali se jkun hemm stage apposta fejn kuljum se jkun hemm madwar 40 parteċipant li jinkludu kantanti, żeffiena u mużiċisti tfal u żgħażagħ.

Se jkun hemm diversi attrazzjonijiet għat-tfal fosthom l-area tat-tfal, ir-rakkont ta’ stejjer u se jkun hemm anke Christmas Tree partikulari li mhix se tkun armata b’ornamenti tas-soltu, imma kull tifel u tifla li jiġu fid-Dar Ċentrali se jsibu disinn ikkulurit u se jiktbu messaġġ fuqu u jkunu huma stess li jdendluh mal-Christmas Tree. Għalhekk wieħed se jkun qed jara x’kitbu t-tfal fil-messaġġi tagħhom. Din is-siġra tal-Milied se tibqa’ fis-sala tad-Dar Ċentrali sal-ewwel ġimgħa ta’ Jannar.

Robert Cutajar qal li l-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem se jkun hemm ukoll il-Battle of The Bands fid-Dar Ċentrali fejn is-sala ewlenija se tinbidel fi pjazza u l-kompetizzjoni bejn il-baned se ssir fuq il-palk prinċipali. Permezz tal-Battle of The Bands iż-żgħażagħ se jkollhom xi ħaġa ġdida wkoll fid-Dar Ċentrali. Normalment f’dik is-sala iktar imdorrijin naraw il-Kunsilli Ġenerali tal-PN, imma din id-darba l-politika se nħalluha fil-ġenb, qal Robert Cutajar.

Hu qal li f’kull sular se jkun hemm affarijiet tal-ikel sinonimi mal-Milied fejn in-nies se jkunu jistgħu jiġu u mhux biss jieklu, imma wkoll se jkunu jistgħu jixtru biex joħduhom magħhom id-dar. Se jkun hemm prodotti bħal mulled wine, mince pies u qastan li se jkun qed jiġi inkaljat fil-post stess. Se jkun hemm ukoll stand kbira bil-ponzjetti fejn in-nies se jkunu jistgħu jixtru mhux biss ponzjetti imma wkoll kotba li se jkunu qed jinbiegħu bi prezzijiet speċjali.

Robert Cutajar qal li s-Sibt 6 ta’ Diċembru ukoll mis-6 ta’ filgħaxija ’l quddiem se jkun hemm serata li se tkun iddedikata għal korijiet. Qed ikunu mistiedna numru ta’ korijiet biex jipparteċipaw u jekk għad hemm min għadu ma semax b’din l-attività se jkun jista’ jċempel fid-Dar Ċentrali biex ikun jista’ jipparteċipa.

Il-Ħadd 7 ta’ Diċembru minn nofsinhar ’il quddiem fid-Dar Ċentrali se jkun hemm attività kontinwa fejn se jkun hemm uffiċjali tal-Partit, Deputati, kandidati, kunsilliera u anke d-Deputati Ewroparlamentari tal-PN li kollha se jkunu qed jagħtu l-kontribut tagħhom. Il-format tal-maratona se jkun differenti u se jkun hemm numru ta’ intervisti matul dawn is-sigħat tal-maratona kif ukoll clips u features li se jkunu qed jitħejjew minn barra d-Dar Ċentrali.

Fil-maratona se jitfakkar ukoll David Chircop l-ex cameraman ta’ Net TV li miet ftit ġimgħat ilu fl-età ta’ 41 sena, u li kien dejjem jagħti sehem kbir fil-Maratona b’risq il-PN.

Robert Cutajar qal li matul il-maratona se jkun hemm ukoll attrazzjoni internazzjonali minn Vjenna. Fil-Palazz ta’ Schonbrunn fiċ-ċentru ta’ Vjenna jsir show partikulari tal-apple strudel li hi tip ta’ deżerta partikulari sinonima mal-Awstrija. Il-pastry chef li taħdem f’dan il-post se tiġi Malta u matul l-erbat ijiem tal-maratona se tkun qed tagħti wirjiet u anke se tinvolvi lin-nies preżenti u tispjega kif issir din id-deżerta. Din se tkun attrazzjoni kemm għal dawk li jkunu d-dar minħabba li se tintwera fuq it-televiżjoni u imma aktar u aktar għal dawk li jiġu d-Dar Ċentrali.

Matul il-maratona se jkun hemm bosta attivitajiet għaddejjin kemm ġewwa kif ukoll barra u t-tfal dejjem se jibqgħu l-protagonisti hekk li se jkunu jistgħu jieħdu ritratti ma’ Father Christmas, u se jkun hemm illużjonista kif ukoll il-play area.

Fuq il-palk se jipparteċipaw kantanti stabbiliti kif ukoll se jkunu mistiedna l-kantanti kbar u żgħar li ħadu sehem fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza biex jerġgħu jsemmgħu l-kanzunetti tagħhom. Robert Cutajar qal li se jieħdu sehem numru mhux żgħir ta’ kumpaniji taż-żfin u se jkun hemm ukoll siltiet mill-musical ‘Sebaħ Jum’ li jfakkar il-50 anniversarju ta’ Malta indipendenti u li tant kiseb suċċess.

Għal ewwel darba, il-ħaddiema kollha ta’ media.link communications se jkunu mistiedna flimkien biex titnieda kanzunetta partikulari li se titkanta mill-ħaddiema kollha flimkien. Il-lirika tal-kanzunetta hi ta’ Joe Chircop u l-mużika ta’ Mark Spiteri Lucas li wkoll kellhom sehem importanti fil-musical ‘Sebaħ Jum’. Fil-kanzunetta se jkun hemm messaġġ li se jitwassal lill-poplu Malti u Għawdxi biex kif kien dejjem, jerġa’ jkun ġeneruż. Għalhekk din il-kanzunetta b’għan filantropiku se tkun qed tiftaħ il-kampanja biex fil-jiem ta’ wara jkunu megħjuna wkoll l-organizzazzjonijiet li jaħdmu b’risq is-soċjetà Maltija.

Robert Cutajar qal li se jkun hemm diversi modi kif il-pubbliku jagħti d-donazzjoni tiegħu u diġà bdiet l-iskema 10×10 fejn il-Kumitati Sezzjonali kollha tal-PN f’Malta u f’Għawdex għaddejjin b’din l-iskema li tnediet mill-PN sena ilu fuq inizjattiva tal-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Partit, Beppe Fenech Adami. Il-Kumitati kollha u l-Kunsillieri kollha se jkunu qed jieħdu t-telefonati tal-pubbliku għad-donazzjonijiet u għalhekk il-parteċipazzjoni se tkun aktar wiesgħa. Se jkun hemm ukoll numru ta’ rigali kbar li jistgħu jintrebħu minn dawk li jagħtu d-donazzjoni tagħhom fosthom vjaġġi għal bliet ewlenin fl-Ewropa, kompjuters u affarijiet oħra. Dawk li jiġu fid-Dar Ċentrali u jagħtu d-donazzjoni tagħhom se jingħataw ktieb kommemorattiv tal-50 Sena Indipendenti li se jinkludi l-proġetti kbar li twettqu f’pajjiżna fil-50 sena li għaddew.

Il-Kap tal-Partit flimkien mal-Viċi Kapijiet u Uffiċjali tal-Partit se jkunu preżenti matul is-sigħat kollha tal-maratona. Il-pubbliku se jkun jista’ jiltaqa’ mal-Kap u mal-Uffiċjali tal-Partit u anke mal-artisti li ħadu sehem fil-musical ‘Sebaħ Jum’.

Għaż-żgħażagħ u t-tfal se jkun hemm area ddedikata għal playstation fejn se jkun hemm l-aħħar mudell u huma jkunu jistgħu jikkompetu bejniethom. Se ssir ukoll kompetizzjoni tal-itjeb u tal-isbaħ kejk tal-Milied.

Robert Cutajar qal li għal dawn l-attivitajiet kulħadd hu mistieden jiġi fid-Dar Ċentrali u jgawdi minn ambjent mill-isbaħ fl-ispirtu tal-Milied. Dawk li se jsegwu mid-dar permezz ta’ Net TV u Radio 101 se jkunu jistgħu jaraw u jisimgħu links diretti mid-Dar Ċentrali nhar il-Ġimgħa u s-Sibt. Imma l-Ħadd se jkun hemm transmissjoni diretta għal madwar 12-il siegħa sħaħ tal-maratona.
Robert Cutajar spjega li l-Christmas Markets u l-attivitajiet l-oħra se jkunu fuq ġewwa u għalhekk mhux se jkun hemm problema f’każ ta’ maltemp.