Iċ-champions Manchester City għelbu lir-rivali Manchester United fl-Etihad Stadium biex telgħu fit-tielet post tal-klassifika, żewġ punti taħt Southampton u sitta taħt il-liders Chelsea. Din kienet ir-raba’ darba konsekuttiva li City rebħu d-derby ta’ Manchester u b’din it-telfa issa r-Red Devils jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika. Kulħadd kien qed jistenna reazzjoni minn naħa tas-Citizens wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat ġew draw kontra CSKA Moscow fiċ-Champions League u tilfu kontra West Ham United fil-kampjonat kif ukoll sfaw eliminati mil-League Cup b’telfa kontra Newcastle. Minn naħa tagħhom Utd kienu ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Chelsea.
Il-logħba kienet ikkundizzjonata mit-tkeċċija ġusta tad-difensur ta’ Man Utd Chris Smalling li ġie muri t-tieni karta safr fit-38 minuta għall-fawl banali fuq James Milner.
Ħarsa lejn l-istatistika turi li dan l-istaġun Man Utd diġa’ tkeċċewlhom ħames plejers u huma fil-fatt l-aktar tim li tkeċċewlhom plejers.
Fit-tieni taqisma Man City approfittaw mill-vantaġġ numeriku u iddominaw għal ħafna ħin twil. Kien fit-63 minuta meta dawn fetħu l-iskor hekk kif Toure, li ġie ivvutat bħala l-aqwa plejer tal-logħba, għadda ballun perfett lejn Clivhy u l-eks difensur ta’ Arsenal qassam lejn in-nofs biex sab lis-solitu Sergio AGUERO li ma żbaljax biex skurja l-10 gowl tiegħu fil-kampjonat u b’hekk qabeż lil Diego Costa fl-ewwel post tal-klassifika tal-aqwa skorers. Kwarta mit-tmiem City setgħu għamlu l-iskor 2-0 imma Jesus Navas laqat il-lasta wara li irċieva mingħand Toure għal skor finali ta’ 1-0.
//= $special ?>

