Internazzjonali

Sfida iebsa għad-Demokratiċi fl-Istati Uniti

It-Tlieta hija ġurnata kruċjali għad-Demokratiċi fl-Istati Uniti hekk kif il-pajjiż jivvota fl-elezzjonijiet tal-Kungress Amerikan. Kungress li s’issa l-indikazzjonijiet juru ser ikollu maġġoranza Repubblikana.

Fil-każ tal-Kamra tar-Rappreżentanti r-Repubblikani diġa għandhom maġġoranza u huwa mistenni li jżommu l-maġġoranza. Iżda fis-senat huma d-Demokratiċi tal-President Barack Obama li fil-preżent għandhom l-maġġoranza bil-biżgħa tal-White House tkun li din il-maġġoranza tintilef u tmur għand ir-Repubblikani.

Osservaturi politiċi qegħdin jgħidu li l-maġġoranza fis-senat tistrieħ fuq ir-riżultat ta’ għaxar stati fejn ir-riżultat għadu mhux ċert.

Il-Presidenza ta’ Barack Obama bħalissa għandha l-appoġġ ta’ 43% tal-votanti skond l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika.

Fl-elezzjoni ta’ nhar ta’ Tlieta ser jsiru elezzjonijiet għall-435 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti, jiġifieri l-kamra kollha u 33 siġġu mill-100 siġġu fis-senat Amerikan.