Il-gazzetta Il-Mument f’rapport tal-ġurnalist Joe Mikallef kompliet bl-investigazzjoni dwar l-allegat sfruttar ta’ traffiku uman lejn Malta ta’ Asjatiċi li huma allegatament sfruttati fil-post tax-xogħol. Rapport li jiżvela kif l-istess Asjatiċi huma wkoll maqbuda fi ċrieki ta’ prostituzzjoni.
Matul din il-ġimgħa il-mument kompla jinvestiga d-diversi rapporti li waslulu b’rabta mal-allegat sfruttar ta’ ħaddiema Asjatiċi fil-fabbrika Leisure Clothing (factory) Limited. U informazzjoni minn sorsi serji – u li għal snin twal kienu jaħdmu fl-istess fabbrika turi kif fil-kampus ta’ din il-fabbrika matul is-snin li għaddew regolarment kienu jiddaħħlu containers li kienu jużaw dan il-kampus sempliċiment bħala transitu.
Dawn il-containers, li s-sors ta’ Il-Mument ma kienx jaf minn fejn kienu jiġu, kienu jitħallew hemm hekk għal numru ta’ sigħat jew jiem. F’dan il-perjodu dawn l-istess containers ma kenux jinfetħu u l-bibien tagħhom kienu jibqgħu msakkra. Fl-istess perjodu kienu jiġu Fizzjali mid-Dwana ta’ Malta u jinbidlu d-dokumenti kollha relatata mal-istess conatiners. Mhux biss, iżda kienu jinbidlu wkoll il-manifattura.
Darba jsir dan il-proċess, dawn il-containers kienu jaqbdu triqithom lejn destinazzjonijiet lil hinn minn xtutna. Mistoqsi dwar fejn kienu jintbagħtu dawn il-containers, is-sors li tkellem ma’ Il-Mument ma kienx f’pożozzjoni li jgħid.
“Għax kollox kien isir b’segretezza kbira ħafna. Konna naraw il-wasla tal-containers – naturalment container kultant żmien iżda minn żmien għal żmien – u konna nistaqsu lil xulxin kif dawn ma jinfetħux. Kienu jinżammu pparkjati u magħluqa. Imbagħad fil-perjodu li dawn kienu jkunu għandna, kienu jiġu Fizzjali tad-Dwana u konna nosservawhom jibdlu d-dokumenti u l-manifattura tal-istess containers. Darba dan il-proċess isir b’suċċess, allura dawn il-containers jaqbdu triqithom lil hinn minn pajjiżna,” qal s-sors li tkellem ma’ Il-Mument.
Intant l-istess investigazzjoni ta’ Il-Mument sabet li sa Lulju li għadda kien komuni ħafna li fit-triq ta’ Ħal Far – bejn il-Barracks tas-Suldati u l-Kwartieri tal-Korporazzjoni Maltija għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) – kien ikun hemm tfajliet Asjatiċi jipprostitwixxu lilhom infushom.
Karozzi jieqfu u jgħabbu tfajliet u dawn jerġgħu jirritornaw aktar tard. Kienet prattika komuni ħafna. Jidher li eventwalment dan l-abbuż tnaqqas, iżda minn ritratti li għandu il-Mument, jidher ċar li dan l-abbuż għadu għaddej.
Persuna professjonali f’waħda mill-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi li taħdem fil-qrib ħafna ma’ issues ta’ traffikar ta’ persuni, qalet lil il-Mument li dawn il-persuni sfortunatament jidħlu f’numru ta’ ċrieki perikolużi u ma jkunux jistgħu joħorġu minnhom. “Għax biex iħallsu s-self li jkunu għamlu hu prattikament impossibbli… bis-salarju li jirċievu ma jagħmlu xejn. Għalhekk ikun hemm min jittanta jaqla’ aktar flus billi jidħol fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni bil-perikli kollha li ċirku perikoluż bħal dan iġib miegħu.”
Din il-persuna kompliet li hu importanti li dawn il-persuni sfruttati jkunu konxji mis-servizzi li joffri pajjiżna proprju immirati għal dawn il-persuni. “Pajjiżna għandu l-makkinarju kollu meħtieġ biex persuni vulnerabbli bħal dawn li jkunu sfruttati fil-post tax-xogħol tagħhom ikunu mgħejjuna u jingħataw l-appoġġ kollu li jkollhom bżonn.
//= $special ?>