Futbol Sport

Valletta jgħelbu lil Balzan

F’rebħa konvinċenti Valletta skurjaw gowl f’kull taqsima u laħqu lill-istess Balzan fit-tielet post tal-klassifika. Valletta kienu l-aħjar tim u l-iskor seta’ kien ferm ikbar li kieku ma kienx għall-gowlkiper Balzaniż Sultana, li wettaq diversi interventi u kien ukoll ivvutat bħala l-plejer tal-partita.

Fit-23 minuta l-ewwel ċans tal-partita, ħolqu Abdelkarim Nafti li pprova l-gowl tal-istampi billi jqabbeż fuq Sultana, xutt li għadda ftit barra. Żewġ minuti wara, minn korner tal-istess Nafti, Hamza Barry kien se japprofitta minn geġwiġija quddiem il-gowlkiper Sultana, imma finalment id-difiża ta’ Balzan ħelset.

Fit-32 minuta Guerrero b’azzjoni personali konkluża b’xutt fil-baxx impenja għall-ewwel darba lil Vella u fl-34 minuta Valletta fetħu l-iskor. Minn kross ta’ Barry, Nafti niżżel il-ballun lejn BRIFFA li minn quddiem Sultana ma żbaljax. Fl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima Kooh Sohna għal ftit ma skurjax it-tieni gowl Belti imma b’diffikultà d-difiża ta’ Balzan rnexxiela teħles.

Għalkemm wara l-mistrieħ Balzan ħarġu aktar fuq l-offensiva, Valletta baqgħu jkunu l-iżjed perikolużi. Briffa pprova f’darbtejn fil-55 minuta imma Sultana salvalu fil-baxx.

Imbagħad kien Kooh Sohna imma reġgħet kienet tajba r-risposta ta’ Sultana. Mument tajjeb Belti li ppressaw għat-tieni gowl, imma Sultana reġa’ salva fuq Kooh Sohna.

Balzan resqu l-aktar viċin il-lasta ta’ Vella fit-73 minuta b’xutt tas-sostitut Darmanin li mpenja serjament lill-gowlkiper Belti. Daqstant ieħor kienu tajbin ir-risposti ta’ Sultana minuti wara fuq xuttijiet ta’ Briffa u Camilleri.

Fit-83 minuta partite magħluqa. Goubadia wettaq fawl fit-tarf tal-kaxxa l-kbira u r-referee Azzopardi wrih il-karta ħamra. Mill-freekick Ryan FENECH kellu l-ballun imxellef mal-barriera qabel spiċċa fix-xibka għat-tieni gowl Belti li fisser it-tieni rebħa konsekuttiva għal Valletta.