Futbol Sport

Birkirkara jsaħħu t-tieni post

BIRKIRKARA.……….1
SLIEMA W……..……..0

Birkirkara: J. Haber, M. Bissi, A. Costa Morais, S. Shodiya, A. Mendoza, R. Ledesma, P. Fenech, Z. Muscat, R. Scicluna, E. Herrera, R. Camenzuli
Sost: E. Agius flok S. Shodiya 66’, V. Shevchenko flok R. Ledesma 78’, L. Grech flok A. Costa Morais 85’
Sliema: G. Zammit, L. Martinelli, A. Scozzese, K. Gnabouyou, J. Mintoff, M. Scerri, M. Mifsud, A. Pisanu, C. Gatt Baldacchino, M. Potezica, F. Mangiacasale
Sost: F. Talato flok M. Potezica 71’, T. Cilia flok G. Knabouyou 79’

Skorja: A. Costa Morais 22’ (B)
Imwissija: R. Ledesma 78’ (B), A. Pisanu 80’, T. Cilia 90’ (S)
Tkeċċa: R. Ledesma 78’ (B)
Referee: Alan Mario Sant
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Ryan Scicluna (Birkirkara)
Attendenza> 1392

Birkirkara irritornaw għar-rebħ meta f’partita tedjanti għelbu lil Sliema Wanderers 1-0. It-tim Karkariż kienu aħjar mill-avversarji iżda ma tantx kien perikoluż u l-gowl vantaġġ ħalla l-partita miftuħa. Min-naħa l-oħra Sliema rari heddew il-lasti ta’ Justin Haber u f’waqtiet mill-partita bdew jattakkaw bi ftit plejers u għalhekk l-attakkanti Slimiżi kienu iżolati.

Wara t-telfa kontra Hibernians il-kowċ Paul Zammit żamm l-istess formazzjoni għajr Shola Shodiya li ġie inkluż mill-ewwel minuta flok Nikola Vukanac. Il-kowċ ta’ Sliema Stephen Azzopardi għamel bidla waħda wkoll meta Clifford Gatt Baldacchino irritorna mis-sospensjoni u ħa post Trevor Cilia.
L-ewwel azzjoni denja min-naħa ta’ Sliema waslet fit-18-il minuta meta xutt tal-captain Michael Mifsud spiċċa għoli. Birkirkara marru viċin minuta wara b’volley ta’ Paul Fenech li spiċċa fuq il-lasti.

Birkirkara marru fil-vantaġġ fit-22 minuta meta Shodiya krossja fil-baxx lejn ANTONIO COSTA MORAIS li kompla għal ġewwa mill-viċin. Ir-risposta Slimiża waslet żewġ minuti wara b’xutt ta’ Michael Mifsud li iżda sab lil Haber attent jimblokka.

It-tieni taqsima kompliet fuq l-istess ritmu tedjanti u kellna nistennew sad-69 minuta biex naraw konklużjoni denja meta xutt fil-baxx ta’ Ledesma għadda barra.
Fit-78 minuta il-logħba qamet mir-raqda għal ftit sekondi hekk kif mas-sostituzzjoni Ledesma ġie muri l-karta s-safra, talli ċapċap lir-referee li kienu għadu kif wissih, u ġustament ir-referee Alan Mario Sant keċċa lil Ledesma minn fuq il-bank. It-tkeċċija intlaqgħet b’rabja mill-partitarji Karkariżi u anki ntefgħu xi oġġetti fid-direzzjoni tar-referee.

L-aħħar azzjoni lejn il-lasti waslet fit-88 minuta meta konklużjoni ta’ Edward Herrera għaddiet ftit barra. Sliema pruvaw territorjalment fl-aħħar minuti jitfgħu l-pressjoni iżda d-difiża Karkariża kkontrollat tajjeb.