Sport Sport Ieħor

Boċċi: suċċess għall-Maltin fit-Turkija

It-tim nazzjonali tar-Raffa magħmul minn David u Reno Farrugia u Yacine Kafi rebaħ il-medalja tad-deheb waqt l-International Open Tournament tat-Turkija.

Wara li fl-ewwel fażi t-tim Malti għeleb lil Franza, lit-Turkija, lill-Alġerija, lill-Latvija, lill-Eġittu, lill-Bulgarija, lill-Iżvizzera u lis-Slovakkja fis-semi finali l-aħwa Farrugia għelbu u eliminaw lill-Ġappun.

Fil-finali kontra t-Turkija li kienu qed jilagħbu quddiem il-pubbliku tagħħom stess, Malta ħarġet rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 12-3. B’hekk, irrepetew is-suċċess ta’ sena ilu bir-rebħ tal-medalja tad-deheb.

Fl-istess Tournament internazzjonali, David u Reno Farrugia ħadu sehem fil-kompetizzjoni magħrufa bħala ‘Volo’ li hi dixxiplina ġdida għall-kompetituri Maltin.
L-aħwa Farrugia irnexxielhom jirbħu l-medalja tal-bronz, liema riżultat kien meqjus bħala sorpriża fost dawk preżenti.

Il-parteċipazzjoni tat-tim Malti għal dan it-turnament ser tkun possibli bl-għajnuna tal-Kumitat Olimpiku Malti (MOC) kif ukoll tal-Kunsill Malti għall-isport (KMS).