Hibernians baqgħu għaddejjin bi klassi hekk kif b’wirja mill-aqwa għelbu lil Mosta 5-0. L-attenzjoni kollha seraqha kollha Tarabai li kien f’vena li donnu ma seta’ jwaqqfu ħadd, għamel li ried bid-difiżia Mostija u fuq kollox skorja erba’ gowls. B’hekk komplew jinkixfu l-feriti tat-tim Mosti li fl-aħħar ħames partiti sofra ħames telfiet u 18-il gowl. Immedjatament wara l-logħba Mosta ħabbru li kewċċew lill-kowċ Enrico Piccioni u l-eks kowċ ta’ Hibernians, Valletta u tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena Mark Miller hu fost il-favoriti li jkun il-kowċ il-ġdid.
L-affarijiet ma dehrux hekk mill-bidu għax kienu Mosta li ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża wara biss erba’ minuti. Minn pass ta’ Kaljevic, Bonello ħareġ ħażin u Bueno laqat il-mimduda.
Hibernians ma ingranawx mill-ewwel iżda meta għamlu dan ma ħarsux lura. Man-nofs siegħa logħob, minn freekick mix-xellug ta’ Failla, TARABAI għeleb lil Borg bir-ras. Żewġ minuti wara, minn pass ta’ Kristensen, TARABAI kellu ħarba veloċi u kif wasal quddiem Borg tefagħlu l-ballun warajh.
Tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, kross ta’ Failla, kien segwit minn kross ieħor ta’ Lima, Jorginho ma laqatx iżda xogħlu għamilulu d-difensur Mosti Adrian Borg li tefa’ fix-xibka tiegħu stess.
Il-wirja ta’ TARABAI kompliet fit-tieni taqsima. Fis-67 minuta daħal faċilment fil-kaxxa ta’ Mosta u reġa’ għeleb lil Borg għat-tielet darba.
Għall-Brażiljan donnu li xejn ma kien biżżejjed. Dan għaliex ħaxar minuti wara irċieva kross mil-lemin u b’daqqa ta’ ras stupenda kompla jinkuruna s-serata maġika tiegħu għal 5-0.


