Il-Gvern taċ-Ċina qed jissemma dejjem aktar fl-aħbarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Gvern ta’ Malta. Dak li hu l-aktar ta’ tħassib, hu kif dawn l-aħbarijiet qed juru ħafna interessi personali, kummerċjali, partitiċi u governattivi kollha mħalltin flimkien.
Ftehim sigriet tal-Partit Laburista mal-Gvern taċ-Ċina
Għandna l-Partit Laburista li fl-2010 ffirma ftehim mal-Gvern Ċiniż fi żjara fiċ-Ċina ta’ Joseph Muscat. Meta Gvern jiffirma ftehim ma’ Gvern ieħor, jiffirma f’isimna u għalhekk għandna kull dritt inkunu nafu fiex rabatna. Imma meta partit politiku jiffirma ftehim ma’ Gvern barrani, li fil-każ taċ-Ċina jfisser il-Partit Komunista, xi trasparenza se jkun hemm? Xejn, fil-fatt, għax dal-ftehim baqa’ sigriet.
Iċ-Ċina tieħu l-kontroll sħiħ tal-power station li diġà għandna…
Issa għandna Ministru li għamel ftehim maċ-Ċina, sigriet ukoll, biex ibegħelha l-kontroll sħiħ tal-power station li għandna, tal-BWSC. Dal-Ministru għandu l-mara Ċiniża u Joseph Muscat bagħatha ċ-Ċina b’kuntratt ta’ nofs miljun ewro u li jiġġedded fi żmien sentejn, jiġifieri tkun ħatfet miljun ewro minn flusna f’leġiżlatura waħda.
…u fi ġlieda mal-konsorzju Malti li suppost se jibni power station apparti
Għandna t-taħwida kbira ta’ dal-istess Ministru, imbagħad, li ftiehem ukoll ma’ konsorzju Malti – ftehim ieħor sigriet – biex dan jibni power station apparti li għadha lanqas bdiet tinbena. Għamel bħal dak li jikri żewġ garaxxijiet għal karozza waħda. Issa ċ-Ċiniżi u l-konsorzju Malti qed jiġġieldu min minnhom se jbegħelna l-elettriku.
Rapport persistenti li anke l-Air Malta għall-bejgħ lill-Gvern Ċiniż
Għandna rapporti persistenti li issa anke l-Air Malta daħlet fin-nofs biex il-Gvern isolvi l-ġlieda li daħal fiha fuq l-elettriku minn żewġ power stations differenti billi jbigħ l-Air Malta wkoll liċ-Ċina. L-Air Malta kienet sejra tajjeb fil-pjan ta’ ristrutturar sal-elezzjoni, issa marret żmerċ, u b’din l-iskuża issa għall-bejgħ ukoll.
L-ebda differenza bejn is-saħħa ta’ kumpanija privata u dik ta’ Gvern barrani
F’dan kollu, għandna Gvern li mhu jagħmel l-ebda differenza bejn li tbigħ kumpanija tiegħek lil xi kumpanija privata barranija u li tbigħ kumpanija lil Gvern barrani li għandu saħħa ferm akbar u interessi politiċi, u mhux biss interessi kummerċjali.
Storja maħmuġa ta’ sfruttament minn kumpanija tal-Gvern Ċiniż
Waqt li għaddej dan kollu, tfaqqa’ l-istorja tal-isfruttament qawwi ta’ ħaddiema Asjatiċi f’kumpanija tal-Gvern Ċiniż li diġà hawn Malta; storja li qed tkompli tikber b’allegazzjonijiet ta’ tixħim biex jitgħatta dak li kien magħruf li kien għaddej. U dan bis-sehem ta’ politikanti prominenti Laburisti.
Kobba mħabbla ta’ ħafna interessi
Dawn l-elementi kollha f’daqqa jqanqlu inkwiet. Għax hu ċar li dawn kollha huma marbutin; il-ħjut imħabblin f’kobba ta’ interessi personali, interessi ta’ negozju, interessi governattivi u interessi tal-Partit Laburista.
//= $special ?>