Formula 1 Sport

F1: Pass ieħor lejn it-titlu

Is-sewwieq tal-Mercedes Lewis Hamilton kiseb il-ħames rebħa konsekuttiva u t-tieni waħda fl-Istati Uniti biex għamel pass kbir lejn ir-rebħ tat-titlu. L-eqreb rivali tiegħu, Nico Rosberg, li issa hu 24 punt ‘il bogħod minnu, spiċċa fit-tieni post filwaqt li fit-tielet post daħal Daniel Ricciardo tar-Red Bull li qed ikompli jikkonferma l-istaġun pożittiv li kellu fl-ewwel sena tiegħu mar-Red Bull. Għal Hamilton din kienet l-10 rebħa dan l-istaġun u żgur li wara bidu kemmxejn sfortunat fl-istaġun l-eks sewwieq tal-McLaren qabad ritmu mill-aqwa u issa qiegħed f’pożizzjoni li wieħed jista’ jsejħilha komda fil-quċċata tal-klassifika tas-sewwieqa.

Nico Rosberg beda mill-pole position imma ma għarafx jiddefendi l-vantaġġ biex issa se jkollu biċċa xogħol ferm diffiċli biex jaqbeż lil Hamilton li qiegħed fi triqtu lejn ir-rebħ tat-titlu mondjali, titlu li l-aħħar darba li rebħu kien fl-2008 meta kien għadu mal-McLaren.

Dan għaliex jekk Hamilton jispiċċa t-tieni fl-aħħar żewġ Grand Prix, fil-Brażil u f’Abu Dhabi u Rosberg jirbaħhom it-tnejn, Hamilton jirbaħ it-titlu b’distakk ta’ tliet punti.
Barra minn hekk jekk Hamilton t-tielet fil-Brażil u t-tieni f’Abu Dhabi u Rosberg jirbaħ fil-Brażil u f’Abu Dhabi, iż-żewġ sewwieqa jispiċċaw bl-istess ammont ta’ punti (367) imma jkun Hamilton li jirbaħ it-titlu għax ikun rebaħ aktar tiġrijiet. Ta min jiftakar li fl-aħħar GP ta’ Abu Dhabi se jingħataw punti doppji.

Ir-rebħa li kiseb Hamilton fl-Istati Uniti kienet it-32 waħda fil-karriera u b’hekk sar l-aktar sewwieq Brittanniku li qatt rebaħ tlielaq. Jekk wieħed iħares lejn il-forma li għaddej minna Hamilton jista’ jara xebħ kbir fil-forma li kien fiha iċ-champion renjanti Sebastian Vettel li iddomina, speċjalment, l-aħħar parti tal-istaġun li għadda biex rebaħ ir-raba’ titlu konsekuttiv tiegħu.

Ilbieraħ Vettel iddiżappunta u spiċċa fis-seba’ post filwaqt li Fernando Alonso tal-Ferrari spiċċa fis-sitt post. Vettel u Alonso issa għandhom punti indaqs fil-klassifika tas-sewwieqa.
Il-koppja tal-Wiliams Massa u Bottas kellhom wirja tajba u spiċċaw fir-rabaż u fil-ħames post rispettivament. Il-Grand Prix li jmiss se jsir fid-9 ta’ Novembru.