Lokali

Iben Geitu Mercieca impjegat bil-kriterju ta’ persuna ta’ fiduċja f’awtorità awtonoma

Aktar minn sena u nofs wara l-elezzjoni ġenerali, għadhom ifeġġu każi ta’ impjieg għal tal-qalba bil-kontra ta’ dak li kien jgħid il-Partit Laburista fl-aħħar kampanja elettorali. L-aħħar minn sensiela ta’ każi hu dak ta’ impjieg mal-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA). F’Awwissu li għadda, l-OHSA impjegat Senior Manager mingħajr ebda sejħa għal applikazzjonijiet, kemm interna kif ukoll esterna.

Din il-persuna ġiet impjegata b’ordni diretta u bil-kriterju ta’ persuna ta’ fiduċja mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u d-Drittijiet Ċivili, immexxi minn Helena Dalli, minkejja li l-OHSA suppost hi awtorità awtonoma. Melhino Mercieca, li jiġi iben l-eks Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Geitu Mercieca, li nħatar membru tal-Bord tad-Diretturi tar-Residenza San Vinċenz de Paul.

L-impjieg ta’ persuni taħt il-kriterju ta’ persuni ta’ fiduċja huma regolati mill-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tas-Servizz Pubbliku u r-Regolamenti jgħidu li dawk impjegati bħala persuna ta’ fiduċja mhux eliġibbli li jsiru tal-post. Ir-Regolamenti jkomplu li normalment, nies impjegati bħala persuni ta’ fiduċja jaħdmu direttament mal-Ministru jew mas-Segretarju Parlamentari, kif ukoll li jkunu ngaġġati minħabba l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom jew għax ma nstabitx persuna oħra wara li tkun saret sejħa għall-applikazzjonijiet.

L-impjieg ta’ persuni ta’ fiduċja għandu jkun iġġustifikat u dawn it-tip ta’ kuntratti jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Prim Ministru wara rakkomandazzjoni tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. Madankollu, imkien ma jissemma’ l-impjieg ta’ persuni ta’ fiduċja fis-Servizz Pubbliku barra mis-Segretarjati Privati tal-Ministri, wisq anqas f’awtoritajiet li suppost huma awtonomi.