Il-Gvern għandu b’mod urġenti jieħu bis-serjeta’ s-sitwazzjoni tax-xogħol prekarju f’pajjiżna, u fil-budget li ġej għandu opportunita’ biex jintroduċi miżuri ġodda li jindirizzaw b’mod speċifiku din il-ġlieda. L-aħħar każ li ġie żvelat fil-media tal-ħaddiema tal-Leisure Clothing huwa biss eżempju wieħed minn bosta li sfortunatament hawn f’pajjiżna.
Dan qalitu l-Kelliema għad-Djalogu Soċjali u l-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabilita’ Stephen Spiteri.
B’mod speċifiku dwar il-każ tal-Leisure Clothing, Claudette Buttigieg qalet li l-kwistjoni f’dan il-każ mhux il-fatt li s-sid tal-fabbrika huwa l-Gvern Ċiniż, iżda li f’din il-fabbrika hemm prattiċi rregolari li l-awtoritajiet għandhom jindirizzaw b’mod urġenti.
Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista kkundannat kull tip ta’ skjavitu u traffikar tan-nies, u spjegat kif it-traffikar tan-nies ilaħħaq il-21 miljun persuna fid-dinja. Minn dawn, 59% huma nisa u 27% huma tfal.
Claudette Buttigieg għamlet appell lill-Unions u Korpi Kostitwiti kollha biex jingħaqdu f’din il-ġlieda kontra x-xogħol prekarju, u appellat ukoll biex din il-ġlieda ma tiġix ippolitiċizzata.
Min-naħa tiegħu, Stephen Spiteri fakkar li l-programm elettorali tal-Partit Laburista kellu sezzjoni sħiħa ddedikata għall-ġlieda kontra x-xogħol prekarju. Hu kkwota siltiet mill-programm elettorali: “Xogħol prekarju mhux xogħol li jixraq lill-ħaddiem”, “Xogħol prekarju jċaħħad lill-ħaddiem mid-dinjita’, ma jagħtix paga li tixraq lill-ħiliet u s-sagrifiċċji tal-ħaddiem filwaqt li jnaqqar mid-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bi prattiċi li jkunu potenzjalment jevadu l-liġi.”
Hu appella lill-Gvern biex jitratta din il-problema bis-serjeta’ mill-aktar fis possibli, u biex jinforma lill-pubbliku x’qed jagħmel dwar l-allegazzjonijiet li ġew irrapurtati fil-media.
//= $special ?>