B’rabta mal-każ li kien żvelat minn Il-Mument u li kompla jiġi segwit mill-ġurnal In-Nazzjon dwar l-allegat każ ta’ sfruttament ta’ ħaddiema Ażjatiċi fil-kumpanija Leisure Clothing, il-Partit Nazzjonalista kkundanna l-każ u kull forma ta’ abbuż, jiġri minfejn jiġi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliema tal-PN għal-Libertajiet Ċivili Claudette Buttigieg u l-Kelliem dwar id-Drittijiet għal Persuni b’Diżabbiltà Stephen Spiteri spjegaw kif l-istorja tal-ħaddiema Ażjatici fil-Leisure Clothing għandha aktar minn qatt qabel tinstiga lill-Gvern ħalli fil-Budget jindirizza x-xogħol prekarju.
Claudette Buttigieg spjegat kif każijiet bħal dawn, fejn hemm sfruttament tal-ħaddiema, ma jiġux politiċizzati. Anzi, il-PN qed jappella biex l-awtoritajiet kollha tal-pajjiż jingħaqdu f’ħidma flimkien biex jiġġieldu x-xogħol prekarju, l-iskjavitù u x-xikbka ta’ traffikar ta’ persuni li eventwalment jiġu sfruttati.
Min-naħa tiegħu, Sephen Spiteri għamel referenza għall-fatt li l-prattici tax-xogħol għandhom ikunu ta’ ċertu livell li jagħtu d-dinjità lill-persuna. Fost diversi drittijiet oħrajn, hu semma’ kif il-ħaddiem għandu jingħata d-dritt għal-leave u s-sick leave, kif ukoll li ma jkunx hemm sfruttament fil-ħinijiet tax-xogħol li jwasslu għal għejja fiżika u mentali.
Stephen Spiteri fakkar ukoll kif qabel l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista kien jgħid li se jindirizza x-xogħol prekarju u għalhekk, fid-dawl ta’ dak li qed jiġri fil-fabbrika Leisure Clothing, il-Gvern għandu jindirizza l-kwistjoni b’miżuri fil-Budget.
Claudette Buttigieg u Stephen Spiteri qalu li l-PN lest jagħti l-kontribut tiegħu mill-Oppożizzjoni permezz ta’ diversi miżuri dwar il-prekarjat, li aktar faċli jseħħ fil-privat. Stephen Spiteri qal li din il-problema tista’ tiġi indirizzata billi jiġi introdott Avviż Legali li jiggarantixxi l-protezzjoni ta’ kwalunkwe persuna li tirrapporta każ ta’ sfruttament.