Rapport ieħor investigattiv li tqiegħed fil-Parlament, din id-darba b’rabta mal-inċident ta’ tifel li telaq mill-Iskolasajf fl-Iskola Primarja tal-Fgura mingħajr ma ħadd ma nduna, jitfa’ t-tort fuq playworker u mhux fuq żbalji li ripetutament qed jitwettqu kawża ta’ nuqqas ta’ ppjanar u deċiżjonijiet ħżiena li qed jittieħdu.
Wara li lbieraħ kien ippubblikat fil-Parlament ir-rapport b’rabta mal-inċident li seħħ fi Skolasajf fl-iskola primarja ‘A’ tal-Fgura f’Awwissu li għadda, id-Deputat Nazzjonalista Joe Cassar fil-ħin tal-aġġornament illejla, appella lill-Ministru jerfa’ r-responsabbiltà u jammetti li dawn huma żbalji li ma jistax jitfagħhom fuq il-ħaddiema, iżda kawża ta’ nuqqas ta’ ppjanar u żbalji relatati ma’ deċiżjonijiet li qed jittieħdu b’għaġġla.
Hu qal li dan mhux l-ewwel rapport ta’ investigazzjoni li ordna l-Ministeru li qed iwaħħal fil-ħaddiema, filwaqt li esprima solidarjetà għal ħafna xogħol importanti li jagħmlu l-ħaddiema fil-qasam tal-edukazzjoni, li fisser jaħdmu ħafna b’qalbhom.
Fil-konklużjonijet tar-rapport, kien irrimarkat li hu ċar li l-inċident ta’ dan it-tifel li seħħ f’Awwissu li għadda, seta’ ġie evitat kieku kien hemm proċedura ta’ sigurtà u sorveljanza fl-iskola. Fil-klassi fejn kien hemm it-tifel kien hemm biss ħamest itfal.
Ir-rapport isemmi li hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-ħin li l-playworker irrappurtat li t-tifel kien nieqes, għall-ħabta tal-11.30am, u dak li fil-fatt kien instab minn membru tal-pubbliku fil-11.10am. Raġuni ta’ dan jista’ jkun li dakinhar ma kinitx liebsa arloġġ. Ikkonkluda wkoll li hu evidenti li l-playworker ma kellhiex l-esperjenza u l-maturità neċessarja għal xogħol ma’ tfal partikularment ta’ età daqshekk żgħira.
Jirriżulta wkoll li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi ma kinitx ippreparata biex tilqa’ għad-domanda kbira għal Skolasajf, u għalhekk kellha timpjega ħaddiema ta’ età żgħira mingħajr esperjenza f’dan il-qasam. Irriżulta wkoll li l-coordinator taċ-ċentru ma kellhiex il-ħiliet maniġerjali neċessarji biex tmexxi ċentru ta’ dan il-kobor.
Ma kien hemm ebda tagħrif lill-Fondazzjoni mill-iskola dwar proċeduri fir-rigward tas-saħħa u sorveljanza li soltu kienu jitħaddmu matul is-sena skolastika mill-iskola, jew xi tip ta’ handover bejn l-iskejjel u ċ-ċentri.
Irriżulta wkoll li l-Fondazzjoni qed tħadem b’ħaddiema li ma kinux mgħarrfa u mħarrġa fir-responsabbiltajiet li jirrikjedu dan ix-xogħol, u li l-ħaddiema ma kinux ingħataw it-taħriġ meħtieġ.
Hu evidenti wkoll li l-proċeduri ta’ saħħa u sigurtà li ssoltu jitħaddmu matul is-sena skolastika mhux qed jiġu segwiti minn Skolasajf.
Il-Bord ta’ Inkjesta mmexxi minn Peter Cordina, għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet li jirrikjedu attenzjoni mmedjata b’rabta mal-aċċess, l-ingaġġar fi Skolasajf, u r-relazzjoni li għandu jkun hemm bejn l-iskejjel u l-Fondazzjoni.
Ir-rapport jagħti d-dettalji ta’ kif it-tifel ħalla l-kanċelli tal-iskola. Filmati tas-CCTV tal-iskola juru li fil-11.03 am it-tifel ħareġ jiġri mill-bieb prinċipali u mill-kanċell tal-iskola li t-tnejn kienu miftuħin beraħ; u fil-11.10am persuna ħadet lit-tifel l-għassa tal-Fgura. Kienet fil-11.59am li l-playworker ħarġet mill-iskola sabiex tfittex lit-tifel.
F’nofsinhar, il-coordinator ġiet infurmata mill-playworker li t-tifel kien mar it-toilet u ma rritornax fil-klassi; u f’12.10pm il-coordinator ċemplet lill-Fondazzjoni u talbet direzzjoni u qalulha biex iċċempel lill-omm it-tifel.
Omm it-tifel marret dakinhar stess l-iskola fis-12.45pm biex tinfurma lill-coordinator li t-tifel ma kienx se jibqa’ jattedi f’dik l-iskola.
Inkjesta oħra twaħħal fl-impjegati u mhux f’deċiżjonijiet ħżiena u mgħaġġla


