Lokali

“Joseph Muscat jigdeb anke dwaru nnifsu”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jirrealizza li l-poplu Malti u Għawdxi huwa intelliġenti u kapaċi jagħraf il-gideb tiegħu. Issa, Muscat, anke fuqu nnifsu qiegħed jigdeb.

Hekk stqarr il-Partit Nazzjonalista, li spjega li fil-paniku li jinsab fih b’rabta mal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, Muscat illum irrepeta l-gidba li qal ilbieraħ filgħodu fil-Każin Laburista ta’ Ħal Għaxaq, wieħed mill-każini misruqin, jiġifieri li hu joqgħod għal kull deċiżjoni tal-Qorti. Muscat ma jistax jitwemmen għaliex kien hu stess li waqqa’ l-każ li kien hemm fil-Qorti b’rabta mal-art tal-Australia Hall – deċiżjoni li permezz tagħha, l-Partit Laburista ħa art li tiswa aktar minn 10 miljun ewro.

Il-Partit Laburista għandu jpoġġi idu fuq il-kuxjenza u jirrealizza li l-fatt li seraq proprjetajiet mingħand il-familji Maltin u mingħand l-istat huwa żball u għandu jiġi rimedjat mill-aktar fis possibli. Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa inkwetanti ħafna l-fatt li l-Partit Laburista lanqas biss jirrealizza li dan huwa aġir skandaluż.

Il-familji li nsterqitilhom il-proprjeta’ mingħand il-Partit Laburista jixirqilhom ħafna aħjar.