Lokali Parlament

Konrad Mizzi jingħata l-Karta l-Ħamra

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia ta’ ruling favur id-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli fir-rigward tal-agir tal-Ministru Konrad Mizzi fil-konfront taghha.
Fis-seduta tad-22 ta’ Ottubru, Marthese Portelli għamlet mistoqsija parlamentari lill-Ministru Mizzi dwar meters tad-dawl temporanji.  Flok wieġeb il-mistoqsija li poġġietlu, il-Ministru Mizzi għażel li jfarfar u jwieġeb ħafif ħafif.
Flok taha l-informazzjoni mitluba, u flok wieġeb il-mistoqsija, il-Ministru Mizzi għażel li jgħid lill-Membru Parlamentari tal-Oppopżizzjoni li l-informazzjoni hija pubblika.  Marthese Portelli oġġezzjonat u talbet lill-Ispeaker sabiex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar dan l-aġir tal-Ministru.
L-Ispeaker, wara li eżamina l-każ, iddeċieda li d-Deputat Nazzjonalista Marthese Portelli kellha raġun toġġezzjona.  Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker qal li t-tip ta’ aġir għandu jkun aċċettat limitatament u biss f’każijiet eċċezzjonali.
Din mhix l-ewwel darba li l-Ministru Mizzi għażel li jaħrab mill-mistoqsijiet parlamentari ta’ Marthese Portelli.  Jidher li meta jiġi ffaċjat b’mistoqsijiet li ma jħossux komdu jwieġeb, il-Ministru jagħmel minn kollox biex jaħrabhom.
Fost mistoqsijiet oħra, Marthese Portelli ripetutament staqsiet lill-Ministru Mizzi sabiex jgħid min huma l-konsulenti tiegħu u min ħa xogħol b’direct order.  Iħobb jagħti r-risposta klassika li “l-informazzjoni għadha qed tinġabar”.
Ilu aktar minn sena jittratieni biex jagħhti r-risposti meta wieħed iqis li l-ewwel mistoqsija saritlu f’April tas-sena l-oħra!